IL-CORE GROUP TAL-MEUSAC JIDDISKUTI PROPOSTI TAL-UE BIEX TIĠĠIELED IL-QGĦAD FOST IŻ-ŻGĦAŻAGĦ
Il-Core Group tal-MEUSAC illum iltaqa’ u ddiskuta l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea – ‘Naħdmu flimkien għaż-żgħażagħ tal-Ewropa: Sejħa għal azzjoni fir-rigward tal-qgħad fost iż-żgħażagħ’.
Filwaqt li kienet qed tintroduċi t-tema tal-laqgħa, il-Ministru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili, Dott. Helena Dalli, li ppresediet il-laqgħa, semmiet kif filwaqt li r-rata ġenerali tal-qgħad għall-popolazzjoni kollha f’Malta, matul is-sena li għaddiet, kienet ta’ 6.5%, dik taż-żgħażagħ kienet ta’ 14.2%. Bl-istess mod, filwaqt li r-rata tal-impjiegi tal-popolazzjoni kollha kienet ta’ 63.1%, ir-rata taż-żgħażagħ kienet ta’ 43.8%.
Dott. Dalli qalet li ż-żgħażagħ huma vulnerabbli minħabba l-perjodi ta’ tranżizzjoni li jkunu għaddejjin minnhom fil-ħajja, in-nuqqas ta’ esperjenza professjonali, u għal uħud aktar minn oħrajn, minħabba li ma jkunux investew fl-edukazzjoni u t-taħriġ, u allura jkunu mingħajr kwalifiki.
Hi qalet li l-qgħad fost iż-żgħażagħ iġib tbatija finanzjarja kemm lilhom kif ukoll lill-familja tagħhom. Apparti minn hekk, il-qgħad ixekkel l-iżvilupp soċjali u ekonomiku tal-pajjiż.
Il-Ministru Dalli qalet li permezz ta’ din il-Komunikazzjoni l-Kummissjoni Ewropea qed tipproponi għadd ta’ miżuri prattiċi, u li jistgħu jintlaħqu, li għandhom il-potenzjal għal impatt immedjat fil-ġlieda kontra l-qgħad fost iż-żgħażagħ.
Il-preżentazzjoni tal-proposti tal-UE saret mis-sur Clyde Caruana, chairperson tal-Active Labour Market Policy Counselling fil-Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol. Hu semma kif fl-Unjoni Ewropea hemm madwar 6 miljun persuna li għandhom inqas minn 25 sena u huma bla xogħol, filwaqt li 7.5 miljun mhumiex la jaħdmu, la jieħdu edukazzjoni u lanqas taħriġ. Is-Sur Caruana qal li fl-ewwel kwart tal-2013 ir-rata tal-qgħad fost iż-żgħażagħ Ewropej kienet ta’ 23%, jiġifieri d-doppju tar-rata tal-qgħad b’mod ġenerali. Ir-rata ta’ qgħad taż-żgħażagħ f’Malta tvarja bejn it-12% u t-13%.
Il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tistabbilixxi miżuri li permezz tagħhom iż-żgħażagħ jiġu inċentivati jidħlu fid-dinja tax-xogħol, jew ikomplu fl-edukazzjoni u t-taħriġ. L-għodda li għandhom jintużaw biex jintlaħaq dan l-iskop huma:
• l-implimentazzjoini tal-iskema ‘Garanzija għaż-Żgħażagħ’,
• l-‘Inizjattiva għall-Impjiegi taż-Żgħażagħ’,
• il-Fond Soċjali Ewropew,
• il-mobilità tax-xogħol fl-Unjoni Ewropea permezz tal-EURES,
• it-tranżizzjoni mill-edukazzjoni għax-xogħol, u
• miżuri li jappoġġjaw il-ħolqien tax-xogħol u l-impjiegi taż-żgħażagħ.
Permezz tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ, l-inizjattiva nazzjonali bejn l-imsieħba soċjali u l-partiti politiċi, il-Jobs+, se tindirizza 350 persuna taħt il-25 sena matul l-2014, filwaqt li l-istess Ministeru se jkollu għad-dispożizzjoni tiegħu s-somma ta’ €120 miljun taħt il-Fond Soċjali Ewropew. Mill-banda l-oħra l-Korporazzjoni tax-Xogħol u t-Taħriġ (ETC) se talloka aktar riżorsi umani sabiex ittejjeb is-servizzi tal-EURES f’Malta.
Clyde Crauana qal ukoll li hemm bżonn urġenti li s-sistemi edukattivi jirrispondu aktar għall-ħiliet li se jkun hemm bżonn fil-futur fil-qasam tax-xogħol, filwaqt li għandu jkun hemm sforz akbar sabiex l-intrapriżi, partikolarment dawk żgħar u medji (SMEs) ikunu inċentivati permezz ta’ skemi apposta biex iħaddmu aktar żgħażagħ.
Waqt id-diskussjoni il-membri qajmu diversi punti, fosthom:
• Il-bżonn ta’ simplifikazzjoni u anqas burokrazija fit-tħaddim tal-iskemi msemmija,
• Attenzjoni speċifika għal żgħażagħ bi problemi soċjali jew li ġejjin minn żoni bi problemi soċjali,
• Il-ħtieġa li l-iskemi ma jintużawx biex ikun hemm abbużi jew biex jinħoloq aktar prekarjat,
• L-importanza li l-istatistika tirrifletti l-figura vera ta’ dawk li huma disponibbli li jidħlu fis-suq tax-xogħol,
• Ikun hemm bilanċ bejn il-kwalifiki u l-ħiliet taż-żgħażagħ u x-xogħol li jkunu disponibbli li jagħmlu, u
• Isir użu aħjar minn żgħażagħ kwalifikati fl-Istudji dwar iż-Żgħażagħ.
Il-Ministru Helena Dalli saħqet fuq l-importanza tad-diskussjoni mal-imsieħba soċjali fi ħdan il-Core Group tal-MEUSAC. Dott. Dalli qalet li din id-diskussjoni hija importanti fit-tfassil tal-pożizzjoni tal-Gvern Malti fil-Kunsill Ewropew.
Other Press Releases:
PR262031
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN U EWROPEJ Il-Ministru C...
PR262030