Left arrow Mur Lura

STRATEĠIJA TAD-DIMENSJA

pr1590
Date Icon 24/07/2013

Il-Kummissarju għas-Saħħa Mentali u Persuni Anzjani laqa’ b’sodisfazzjon it-tkomplija tal-proċess biex tingħata l-attenzjoni meħtieġa lill-qasam tal-kura tad-dimensja permezz tal-ħatra ta’ Dr. Charles Scerri biex imexxi dan il-proċess. Skond l-Għaqda Dinjija tas-Saħħa (2012) l-għadd ta’ persuni li kellhom il-kundizzjoni fl-2010 kien jgħodd il-35.6 miljun waqt li huwa mistenni li dan ikun id-doppju sal-2020 u saħansitra jitla’ għal aktar minn mija u ħmistax-il miljun ruħ madwar id-dinja sas-sena 2050.

Id-dimensja mhix biss kundizzjoni li tolqot il-persuni ndividwali imma tolqot lill-familja u s-soċjeta’ kollha b’mod dirett kif ukoll indirett.  Persuna li timrad bid-dimensja fi ftit snin tinbidel minn persuna ndipendenti u produttiva għal persuna li għandha bżonn kura u assistenza kontinwa anke biex tieħu ħsieb affarijijet bażiċi. Dan iwassal biex persuni bid-dimensja jsiru dipendenti għall-kura tagħhom fuq qraba u ħbieb. Is-sitwazzjoni tista’ twassal għal stress fiżiku, emozjonali u ekonomiku fuq il-familja. Meta l-persuna ma tkunx tista’ tingħata l-kura meħtieġa fid-dar, din ikollha bżonn ta’ kura residenzjali f’postijiet speċjalizzati għal ħarsien tal-anzjani. Id-dimensja mhix kollha xorta. Hija kundizzjoni li tibda bil-mod u l-persuna tmur għall-agħar aktar ma jgħaddi ż-żmien. Fil-bidu tista’ tkun b’sintomi; bħal li wieħed jinsa spiss anke affarijiet li jkun għadu kif għamel, diffikultajiet meta jiġi biex jitkellem u diffikulta biex jagħmel affarijiet ta’ kuljum; bħal tisjir u xiri, jintilef f’post familjari u jkollu diffikultà biex jimmaniġġja l-flus.  Fi stadju aktar avvanzat il-persuna tibda tinsa ħafna affarijiet riċenti u tiftakar affarijiet passati li għaliha ħafna drabi jkunu friski qishom qed jiġru dak il-ħin. Il-persuna tkun teħtieġ għajnuna fil-bżonnijiet tagħha ta’ kuljum u jista’ jkun hemm aġir ta’ passività jew aggressività. Fi stadju gravi l-persuna tkun dipendenti għal kollox u tkun teħtieġ ħarsien kontinwu.

Il-Kummissarju għas-Saħħa Mentali jfakkar li din il-faxxa tal-popolazzjoni anzjana tkun f’riskju akbar ta’ abbuż u ta’ faqar. Meta wieħed iħares lejn dak li qed jiġri f’pajjiżi akbar minnha kemm fl-Ewropa kif ukoll f’kontinenti oħra, diġa hemm diversi mudelli li wieħed jista’ jesplora bħala qafas u jaddatta għal dan is-settur f’pajjiżna. Ir-riċerka qed toffri ukoll pariri dwar kif jista’ jitnaqqas ir-riskju għad-dimensja, primarjament billi wieħed iżomm taħt kontroll kundizzjonijiet oħra tas-saħħa, fosthom problemi taċ-ċirkolazzjoni, d-dijabete, l-pressjoni għolja, d-depressjoni u l-mard tal-qalb, tnaqqis fit-tipjip u żieda fl-attività fiżika. Studju li sar fir-Renju Unit wera tnaqqis ta’ kważi 25% bejn in-numru ta’ anzjani li kien previst li se jbagħtu bid-dimensja fl-2011 (abbażi ta’ studju li kien sar fl-1991) u dawk li effettivament ibagħtu b’din il-kondizzjoni.

Il-Kummissarju se jkompli jagħti l-għajnuna meħtieġa f’dan il-proċess ta’ konsultazzjoni filwaqt li jħeġġeġ li dan il-proċess jiġbor fih rappreżentanza mis-setturi kollha. Huwa jħeġġeġ li l-proċess għandu jinkludi professjonisti mill-qasam tas-saħħa,  parteċipazzjoni minn entitajiet mill-qasam soċjali, s-soċjeta ċivili, s-settur tal-edukazzjoni u fuq kollox il-qraba, li huma l-iktar persuni li jafu mill-viċin xi tfisser tgħix u tieħu ħsieb persuna bid-dimensja.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN U EWROPEJ  Il-Ministru Chris Fearne jindirizza t-18-il Laqgħa Annwali tal-Kunsill għall-Maltin li Jgħixu Barra minn Malta

PR262031

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN U EWROPEJ Il-Ministru C...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT  Is-saħħa mentali u l-benesseri fil-qalba tal-edukazzjoni – Il-Ministru Byron Camilleri jindirizza l-konferenza nazzjonali EduVoices 2026

PR262030

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Is-saħħa mentali u l...

Aktar Stqarrijiet Right arrow