STQARRIJA KONĠUNTA BEJN IL-MINISTERU TAL-INTERN U S-SIGURTÀ NAZZJONALI, IL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U X-XOGĦOL U S-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦALL-PRESIDENZA UE 2017 U GĦALL-FONDI EWROPEJ
Illum tnieda l-proġett iffinazzjat mill-Unjoni Ewropea Train the Trainer bl-għan li joffri taħriġ lil madwar mija u tmenin resident fil-Faċilità Korretiva ta’ Kordin. Dan il-proġett, li ser juża aktar minn tlett mitt elf Euro minn fondi Ewropej, qed isir permezz ta’ ħidma konġunta bejn il-Kunsill Lokali ta’ Raħal Ġdid, l-Universita ta’ Malta, d-Dipartiment tal-Kriminoloġija u l-MCAST.
Is-Sindku ta’ Raħal Ġdid, Roderick Spiteri irringrazzja lill-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali, Manuel Mallia, lill-Ministru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol, Evarist Bartolo u lis-Segretarju Parlamentari għall-Presidenza UE 2017 u għall-Fondi Ewopej, Ian Borg tal-koperazzjoni li wrew biex jagħmlu dan il-proġett possibbli
.
Il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Manuel Mallia qal li dan il-proġett hu parti mill-pjan tal-Gvern biex jirrijabilità r-residenti tal-Faċilità Korretiva. Li wieħed isib ix-xogħol meta jiskonta l-piena huwa l-ogħla livell li nistgħu nilħqu, qal il-Ministru Mallia. Billi noffru x-xogħol lill-priġunieri nkunu qed inkissru ċ-ċrieki tal-kriminalità għax min ikun qed jaħdem għandu anqas possibiltà li jikser il-liġi, u b’hekk effetivament ikun hawn anqas vittmi ta’ reati.
Waqt l-attività, il-Ministru Manuel Mallia ħabbar li ġie ippreżentat lilu l-ewwel abbozz li għamel il-Kumitat ta’ Riforma fil-Ħabs . Il-Ministru Mallia qal li r-residenti tal-Faċilità issa għandhom l-għodda biex jitbegħdu mill-kriminalità, u persważ li jekk jużaw din l-għodda, s-soċjetà taċċetahom.
Il-Ministru għall-Edukazzjoni, Evarist Bartolo qal li minn statistika ippreżentata fl-istess konferenza, jidher li tmenin fil-mija ta’ dawk li jħaddmu qalu li ma jimpjegawx eks priġunieri. Evarist Bartolo qal li dan jirrifletti l-perspettiva tas-soċjetà li ma tagħtix it-tieni ċans. Fil-verità, qal il-Ministru , ħafna mill-priġunieri jkunu spiċċaw il-ħabs minħabba ċ-ċirkostanzi tal-familja tagħhom u għalhekk jeħtieġ li s-soċjetà tagħti t-tieni ċans. Dan il-proġett ser ikun edukattiv mhux biss għar-residenti imma anke għalina biex noffru esperjenzi oħrajn f’dan il-qasam, sostna l-Ministru.
Is-Segretarju Parlamentari, Ian Borg qal li hu ta’ pjaċir għalih li qed jattendi ghal dan l-avveniment wara li s-Segretarjat tiegħu flimkien mal-Ministeri konċernati intervjena biex jiżblokka l-problemi li kienu qed iwaqqfu dan il-proġett u biex effetivament titnaqqas il-burokrazija. Ian Borg tenna li għal-programm finanzjaru tal-2014 sal-2020, hemm mija u erbgħin miljun Euro fondi disponibbli fil-Fond Soċjali Ewropew li jistgħu jintużaw għall-intern u l-edukazzjoni u żgur li l-Gvern ser jara li jintużaw bl-aħjar mod possibbli.
Stqarrijiet Oħra:
PR262031
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN U EWROPEJ Il-Ministru C...
PR262030