BIDLA FIL-KLASSIFIKAZZJONI TAL-FILMS
Mill-Erbgħa, 24 ta’ Lulju, sejra tidħol fis-seħħ l-Avviż Legali 416/2012 fir-rigward tal-klassifikazzjoni tal-films f’Malta.
Il-films issa sejrin jibdew jiġu klassifikati hekk:
| (i) | ‘U’ - UNIVERSALI. Tajjeb għal kulħadd. |
| (ii) | ‘PG’ - GWIDA TAL-ĠENITURI. Jista’ jarahom kulħadd, iżda xi xeni jistgħu ma jkunux tajbin għat-tfal żgħar. |
| (iii) | ‘12A’ - Tajjeb biss għal persuni li għalqu 12-il sena, u fuqhom: Iżda persuni ta’ età iżgħar minn 12-il sena jistgħu jarawhom jekk ikunu akkumpanjati minn persuna adulta biss. |
| (iv) | ‘12’ - Tajjeb biss għal persuni li għalqu 12-il sena, u fuqhom. |
| (v) | ‘15’ - Tajjeb biss għal persuni li għalqu 15-il sena, u fuqhom. |
| (vi) | ‘18’ - Tajjeb biss għal persuni li għalqu 18-il sena, u fuqhom. |
B’hekk ser jispiċċaw il-klassifikazzjonijiet ‘14’ u ‘16’ u sejrin jiddaħħlu it-‘12A’ u l-‘15’ filwaqt li qegħda tingħata tifsira differenti lill-‘PG’.
Iċ-ċertifikat dwar il-klassifikazzjoni skont l-età u l-avviżi lill-pubbliku li jkun fihom informazzjoni addizzjonali iridu jiġu esibiti f’post fejn jidhru sewwa fid-daħla taċ-ċinematografu u jistgħu jinġiebu għall-attenzjoni tal-pubbliku b’xi mezz ieħor. Fi ftit taż-żmien ieħor, il-Bord ġdid dwar il-Klassifika tal-l-Età dwar il-Pellikola ser jibda joħroġ tagħrif li għandu jservi ta’ gwida għall-pubbliku li jrid jara l-film billi jiġġustifika għala ġiet mogħtija din il-klassifikazzjoni.
Bidla oħra li ser tibda sseħħ b’mod immedjat hi li meta d-distributur tal-film ma jaqbilx mal-klassifikazzjoni ta’ xi film, il-persuna li tkun applikat għall-eżami tal-pellikoli tista’, jekk tħossruħha aggravata bid-deċiżjoni, fi żmien ħamest ijiem minn meta tirċievi dik id-deċiżjoni, tapplika bil-miktub lill-Bord tar-Reviżjoni tal-Klassifikazzjoni għal reviżjoni ta’ dik id-deċiżjoni. Il-Bord ta’Reviżjoni jista’ jikkonferma jew jirrevedi d-deċiżjoni tal-Bord tal-Pellikoli. Sal-lum, meta distributur ta’ film ma kienx jaqbel mal-klassifikazzjoni mogħtija, kien irid jappella quddiem l-istess Bord.
Il-klassifikazzjoni tal-films issa mhix aktar taħt ir-responsabilità tal-Pulizija imma taħt l-Att dwar il-Kunsill Malti għall-Kultura u l-Arti.
Il-Bord il-ġdid maħtur mill-Onor. Dr. José Herrera, Segretarju Parlamentari għall-Kultura u l-Kunsilli Lokali, huwa kompost mis-Sinjuri Mario A. Azzopardi (Chairman); Dr. Roberta Attard, Victor Bonello, Alfred Briffa, Dr. Katya De Giovanni, Dominic Garcia, Marion Grech u Pia Micallef.
Stqarrijiet Oħra:
PR262031
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN U EWROPEJ Il-Ministru C...
PR262030