STQARRIJA MILL-MINISTERU TAL-INTERN U SIGURTÀ NAZZJONALI
Reazzjoni tal-Gvern Malti għall-kundanna mill-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem
Il-Gvern Malti jinnota d-deċiżjonijiet li ttieħdu mill-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem fil-konfront ta’ Malta dwar żewġ immigranti irregolari li skont din l-istess sentenza, nkisrulhom id-drittijiet tagħhom taħt l-amministrazzjoni preċedenti Nazzjonalista.
Is-sitwazzjoni li wiret dan il-Gvern fil-każ tal-immigrazzjoni hija waħda diffiċli.
Huwa ta’ dispjaċir li l-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem qatgħet kundanna fuq pajjiżna minħabba sitwazzjonijiet li seħħew taħt amministrazzjoni preċedenti.
Filwaqt li l-Gvern Malti jkompli jisħaq li pajjiżna ma jistax ilaħħaq mal-influss qawwi ta’ immigranti irregolari, min-naħa l-oħra dan il-Gvern qed jaħdem sabiex il-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni jittejbu u kemm jista’ jkun ma jiġux repetuti żbalji li setgħu seħħew fil-passat.
Dan ma jistax isir jekk il-Gvern Malti jibqa’ jitħalla waħdu u għalhekk kif intwera diġà dan il-Gvern qiegħed iwassal il-vuċi tiegħu b’mod qawwi mal-politiċi u istituzzjonijiet Ewropej.
B’hekk il-Gvern Malti jistenna li f’pajjiżna jkun hawn kunsens politiku biex isir sforz nazzjonali dwar din il-kwistjoni, partikolarment minn persuni li kienu fil-Gvern li wassal għal din il-kundanna fuq pajjiżna.
Minħabba li l-Gvern qed jittratta dawn il-każijiet ta’ ksur ta’ drittijiet tal-bniedem bħala serji ħafna fuq pajjiżna, huwa qed jikkunsidra l-implikazzjonijiet ta’ din is-sentenza u t-toroq legali kollha disponibbli għalih.
Stqarrijiet Oħra:
PR262031
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN U EWROPEJ Il-Ministru C...
PR262030