“NIPPROGRAMMAW GĦAL ĠENERAZZJONIJIET FUTURI” – ID-DEPUTAT PRIM MINISTRU LOUIS GRECH WAQT IT-TNEDIJA TAL-FONDI EWROPEJ 2014-2020 MAL-MCESD
F’laqgħa speċjali tal-MCESD li saret fl-Uffiċċju tad-Deputat Prim Ministru fil-Berġa ta’ Aragona, id-Deputat Prim Ministru Louis Grech nieda dokument għall-konsultazzjoni dwar kif għandhom jintefqu l-fondi Ewropej għas-snin li ġejjin.
Id-dokument - Programming of European Funds for Malta 2014-2020 – għadu kemm ġie approvat mill-Kabinett u issa jmiss li jkun hemm ir-rispons tal-imsieħba soċjali u l-pubbliku.
Fid-diskors tiegħu, id-Deputat Prim Ministru qal li l-għan ewlieni tal-Gvern huwa li jkollna żvilupp nazzjonali kemm mil-lat ekonomiku u soċjali, kif ukoll minn dak ambjentali sabiex inkunu nistgħu insostnu livell t’għixien għoli għaċ-ċittadini tagħna u nagħtu valur miżjud fil-ħajja tagħhom ta’ kuljum.
Id-Deputat Prim Ministru qal li dan nistgħu nagħmluh billi noħolqu ambjent pożittiv fejn is-settur privat joħloq aktar impjiegi, u impjiegi ta’ kwalità. Dan għandu jwassal għal tkabbir ekonomiku li jsostni l-qafas soċjali tagħna waqt li jgħin fit-trażżin tad-defiċit u d-dejn nazzjonali.
“Din il-viżjoni nistgħu nilħquha permezz ta’ strateġija integrata li tuża l-fondi Ewropej flimkien ma’ fondi nazzjonali u strumenti finanzjarji oħra inkluż mill-Bank Ewropew tal-Iżvilupp. Dan sabiex nilħqu l-oġġettivi nazzjonali lil hinn mill-2020, u fl-interess tal-ġenerazzjonijiet futuri” qal id-Deputat Prim Ministru.
Huwa tkellem wkoll dwar il-pass ta’ maturazzjoni li qed jieħu pajjiżna permezz tal-programm li jmiss ta’ fondi wara li l-ewwel żewġ allokazzjonijiet intużaw biex tissaħħaħ il-bażi tal-pajjiż.
Qal li għal dan il-għan ġew identifikati tliet prijoritajiet għall-użu tal-fondi 2014-2020:
1. it-trawwim tal-kompetittività permezz tal-innovazzjoni u l-ħolqien ta' ambjent kummerċjali pożittiv;
2. is-sostenn lill-ekonomija biex tkun favur l-ambjent u li tagħmel użu effiċjenti tar-riżorsi; u
3. il-ħolqien ta’ opportunitajiet permezz ta’ investiment fil-kapital uman u t-titjib tas-saħħa u l-benesseri taċ-ċittadin.
“Ser niżguraw illi l-faċilitajiet edukattivi pprovduti liż-żgħażagħ jkunu fost l-aħjar li nsibu fl-Ewropa, ser naraw li l-investimenti fil-qasam tal-ambjent jagħtuna l-ogħla standards ambjentali, ser nidderieġu l-użu ta’ akar fondi lejn ir-riċerka u l-innovazzjoni filwaqt li ninvestu fis-saħħa biex nipprovdu liċ-ċittadini tagħna l-aħjar servizzi disponibbli. Dan kollu mhux se japplika biss għal Malta, iżda anke għar-reġjun t’Għawdex, bil-karatteristiċi kollha tiegħu” saħaq id-Deputat Prim Ministru.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej u l-Presidenza 2017, Dr. Ian Borg, qal li din hija sena importanti fil-qasam tal-fondi Ewropej. Dan hekk kif fuq naħa Malta qed tikkonkludi l-implimentazzjoni tal-programm finanzjarju 2007-2013 bil-għan li talloka l-fondi kollha vvutati, filwaqt li fuq naħa oħra qed immexxu ’l quddiem il-proċess għall-programmazzjoni tal-fondi tal-perjodu l-ġdid.
Huwa spjega kif dan id-dokument huwa l-frott ta’ konsultazzjoni u djalogu intern li tmexxa matul ix-xhur li għaddew u li issa se jinfetaħ għall-pubbliku ġenerali.
Waqt l-intervent tagħha fit-tnedija ta’ dan id-dokument, il-Ministru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili, Dr. Helena Dalli, qalet li l-Gvern hu impenjat bis-sħiħ biex jaħdem id f’id mal-imsieħba soċjali biex flimkien jintlaħqu l-miri ambizzjużi li l-pajjiż qed ipoġġi quddiemu.
Qalet li dan id-dokument jibni wkoll fuq il-programm nazzjonali ta’ riforma li kien diskuss aktar kmieni din is-sena f’laqgħa konġunta bejn l-MCESD u l-MEUSAC, kif ukoll il-Country Specific Recommendations, hekk kif maħruġa mill-Kummissjoni Ewropea.
“Għandna bżonn ta’ sforz kollettiv li jgħin biex nilħqu l-għan ewlieni tagħna li b’kull għodda, inkluż it-tħaddim tajjeb ta’ fondi Ewropej, immexxu lil pajjiżna ’l quddiem” saħqet il-Ministru Dalli.
Il-konsultazzjoni, li ser tibqa’ għaddejja sa’ Settembru, ser titkompla b’żewġ laqgħat ta’ konsultazzjoni miftuħa għall-membri tal-pubbliku. L-ewwel laqgħa ser issir nhar l-Erbgħa 24 ta’ Lulju fl-10:00hrs, f’Dar il-Mediterran għall-Konferenzi, fil-Belt Valletta. It-tieni laqgħa se ssir nhar it-Tnejn 29 ta’ Lulju, fl-10:00hrs fil-Lukanda Kempinski f’San Lawrenz, Għawdex.
Stqarrijiet Oħra:
PR262031
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN U EWROPEJ Il-Ministru C...
PR262030