ĦSARAT FI PROĠETT ĠDID FTIT TAL-ĠRANET WARA LI ĠIE NAWGURAT
Wara li jissewwew il-ħsarat li żviluppaw ftit ġranet biss minn wara li ġie inawgurat, iċ-Ċentru Ċiviku tas-Swieqi se jkun jista’ jibda jintuża mir-residenti u l-familji tagħhom.
Iċ-Ċentru Ċiviku, li jinkludi għassa tal-Pulizija u uffiċini tal-Kunsill Lokali, ġie nawgurat ftit jiem qabel l-Elezzjoni Ġenerali li għaddiet. Madankollu, ma setax jibda jintuża qabel jissewwew il-ħsarat li ġew ikkawżati permezz ta’ ilma li daħal mis-soffitt, kif ukoll qabel jitlesta xogħol li tħalla nofs leħja u li mingħajru, il-bini ma setax jibda jopera.
Fil-ġranet li għaddew, fuq insistenza tal-Ministru għat-Trasport u l-Infrastruttura, l-Onor. Joe Mizzi, saret laqgħa fuq il-post biex jiġi żgurat li dan ix-xogħol jitħaffef u jitlesta mill-iżjed fiss.
Huwa ppjanat li x-xogħol jitlesta lejn l-aħħar tax-xahar id-dieħel u ċ-ċwievet tal-bini jgħaddu mit-Taqsima tal-Proprjetà tal-Gvern biex issir id-devoluzzjoni lill-Kunsill Lokali.
Il-Ministeru jiċħad dak li ntqal f’sezzjoni tal-midja, li l-Gvern ma jridx jgħin lill-Kunsill. Kien il-Ministru stess li nvolva ruħu direttament biex jara li dan il-proġett jibda jitgawda mill-iżjed fiss.
Barra minn hekk, il-Ministeru ma kellu ebda kontroll fuq il-fatt li tfaċċaw dawn il-problemi, proprju ftit tal-jiem wara li saret l-inawgurazzjoni tal-proġett.
Il-Kunsill Lokali kien f’kuntatt regolari mal-awtoritajiet u kien jaf x’inhuma r-raġunijiet li wasslu għal dan id-dewmien.
Stqarrijiet Oħra:
PR262031
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN U EWROPEJ Il-Ministru C...
PR262030