ID-DEPUTAT PRIM MINISTRU F’DISKUSSJONIJIET DWAR IL-FUTUR TAL-EWROPA U L-IMMIGRAZZJONI IRREGOLARI
Id-Deputat Prim Ministru Louis Grech ħa sehem fil-laqgħa annwali ‘Dwar il-Futur tal-Ewropa’ li tlaqqgħet f’Mallorca, Spanja, u li għaliha attendew Ministri tal-Affarijiet Barranin minn għadd ta’ pajjiżi Ewropej.
Fl-intervent tiegħu, d-Deputat Prim Ministru qal li għalxejn nippjanaw l-futur tal-Ewropa b’riformi kbar tat-trattati li jieħdu s-snin, jekk l-ewwel ma nieħdux ħsieb dak li qed iħasseb u jinkwieta liċ-ċittadini fl-immedjat.
Spjega li hu jaqbel li jkun hemm diskussjoni dwar temi fundamentali li jindirizzaw l-kriżi ekonomika. Qal li dwar is-superviżjoni u governanza baġitarja diġa ttieħdu diversi miżuri. Iżda biex wieħed jitkellem dwar il-futur tal-Ewropa, l-ewwel jrid jindirizza dak li qed iħasseb liċ-ċittadini tagħna fil-ħajja ta’ kuljum.
“Il-prijoritajiet tan-nies għandhom ikunu l-prijoritajiet tagħna. Hemm ċittadini li dak li qed jolqothom hu kif se jlaħħqu mal-ħajja. Oħrajn bħaċ-ċittadini Maltin qed iħabbtu wicchom ma’ realtajiet bħall-immigrazzjoni irregolari”, qal id-Deputat Prim Ministru Grech.
It-tħassib taċ-ċittadini, inkluż dwar l-immigrazzjoni irregolari, jrid jkun solvut b’mod kollettiv. Meta l-Unjoni Ewropea tieħu pożizzjonijiet fuq kwistjonijiet bħal dawn, għandha tara x’effett se jkun hemm fuq kulħadd speċjalment fuq iċ-ċittadin tal-pajjiżi l-aktar milquta. Huwa biss b’dan il-mod li jirnexxielna nikkonvinċu liċ-ċittadini biex jinfetħu għal aktar integrazzjoni Ewropea. Biex ikollna iktar integrazzjoni, irridu naħdmu u nikkonvinċu liċ-ċittadini, mhux lill-politiċi”, sostna id-Deputat Prim Ministru Grech.
Punt ieħor li enfasizza dwaru d-Deputat Prim Ministru kien il-holqien ta’ iktar impjiegi għaż-żgħażagħ li reġa tqajjem fuq livell Ewropew bid-diskussjoni fuq il-‘Youth Guarantee’.
Semma wkoll is-Suq Waħdieni u l-bżonn li dan ikun komplut kollu bil-fatti. Dan peress li fil-laqgħa tqajjem il-punt li l-Ewropa qed titlef miljuni kbar għaliex għadha m’attwatx dan il-kunċett fl-oqsma u t-tranżazzjonijiet kollha li jsiru.
Il-laqgħa, li kienet organiżżata mill-Ministri tal-Affarijiet Barranin Spanjol u Ġermaniz, saret fuq jumejn u inkludiet indirizz mill-Prim Ministru Spanjol Marjano Rajoy kif ukoll sessjoni flimkien mal-Prinċep Filippu ta’ Spanja.
Apparti l-organizzaturi, Guido Westerwelle tal-Ġermanja u Josè Manuel Garcia Margallo ta’ Spanja, attendew wkoll, fost l-oħrajn, Emma Bonino tal-Italja u Laurent Fabius ta’ Franza. Dawn, flimkien mal-Ministri Ewropej ikkontribwew ukoll għad-diskussjoni kemm mal-Kummissjoni Ewropea, rappreżentata mill-Viċi President u l-Kummissarju għall-Istituzzjonijiet u l-Amministrazzjoni Maros Sefcovic, u l-Parlament Ewropew, b’għadd ta’ parlamentari mill-gruppi differenti.
Id-Deputat Prim Ministru Malti kellu għadd ta’ laqgħat informali ma’ numru ta’ ministri Ewropej fejn iddiskuta temi kurrenti fuq livell Ewropew u Mediterranju, inkluż l-immigrazzjoni irregolari.
Stqarrijiet Oħra:
PR262031
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN U EWROPEJ Il-Ministru C...
PR262030