L-ONOR. RODERICK GALDES, SEGRETARJU PARLAMENTARI GĦALL-AGRIKULTURA, SAJD U DRITTIJIET TAL-ANNIMALI, JIPPREŻENTA ĊERTIFIKATI TA’ ATTENDENZA TAL-KORS DWAR IL-PRODUZZJONI TAL-ĦALIB
Nhar il-Ġimgħa 19 ta’ Lulju, is-Segretarju Parlamentari għall-Agrikultura, Sajd u Drittijiet tal-Annimali, Roderick Galdes ippreżenta ċ-Ċertifikati ta’ Attendenza tal-Kors dwar il-Produzzjoni tal-Ħalib fis-Sala tal-Koperattivi Maltin f’Ħal Qormi. Dan il-kors ġie organizzat mill-Koperattiva Produtturi tal-Ħalib (KPH) li din is-sena qegħda tiċċelebra l-55 sena anniversarju mit-twaqqif tagħha.
Dan il-kors, li pparteċipaw fih 114-il partiċipant li jinkludu kemm raħħala li huma membri tal-KPH kif ukoll impjegati tal-Għammieri, ġie organizzat taħt il-Misura 111 tal-Programm tal-Iżvilupp Rurali 2007-2013 u li ġie ffinanzjat 75% mill-Unjoni Ewropea u 25% mill-Gvern Malti, sar bil-għan li tittejjeb il-kwalità fis-settur tal-ħalib. Fil-fatt f’dawn l-aħħar xhur, biex jintlaħaq dan il-għan, ġew organizzati diversi laqgħat kemm f’Malta kif ukoll f’Għawdex mill-Koperattiva Produtturi tal-Ħalib (KPH).
F’diskors tal-okkażjoni li għamel l-Onor. Roderick Galdes, filwaqt li feraħ lil dawk kollha li pparteċipaw f’dan il-kors ta’ tagħlim u taħriġ dwar il-produzzjoni ta’ ħalib ta’ kwalità għolja, ħeġġeġ lil dawk preżenti biex jimxu fuq it-taħriġ u l-pariri li ngħataw biex b’hekk il-ħalib lokali jkun tal-aqwa kwalità u skont ir-regolamenti imposti mill-Unjoni Ewropea. Huwa ħabbar ukoll li se jkun hemm rilaxxament fit-trasferiment tal-bhejjem wara li saru t-testijiet neċessarji b’konnesjoni mal-marda tal-Q Fever. Intant, l-Onor. Galdes enfasizza wkoll il-ħtieġa ta’ aktar edukazzjoni u taħriġ fis-setturi l-oħra agrikoli Maltin sabiex il-prodott agrikolu Malti jilħaq l-għola livell ta’ kwalità fis-suq lokali.
Stqarrijiet Oħra:
PR262031
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN U EWROPEJ Il-Ministru C...
PR262030