L-ENERĠIJA PRODOTTA MILL-IMPJANT TA’ SANT’ANTNIN QAJLA HIJA BIŻŻEJJED GĦAL 45 DAR, DAN META SUPPOST KELLU JIPPROVDI ELETTRIKU GĦAL 1,400 DAR. DAN JOĦROĠ MIR-RAPPORT LI SAR MINN REVIEW TEAM FUQ L-IMPJANT TA’ SANT’ANTNIN
Dalgħodu l-Ministru għall-Iżvilupp Sostenibbli, l-Ambjent u t-Tibdil fil-Klima ġie ppreżentat b’rapport dwar is-sitwazzjoni fi ħdan l-Impjant ta’ Sant’Antnin.
Rapport li kien ikkummissjonat fuq talba tal-istess Ministru u li sar minn Review Team kompost mic-Chairman Dr. Edward A. Mallia, mis-Sur Alan Pulis u minn Dr. Louise Spiteri.
Il-Ministru Leo Brincat spjega li l-inkarigu li ngħata r-Review Team kien li jistudjaw l-impatt ambjentali li l-impjant ta’ Sant’Antnin seta’ kellu fuq l-akwati u r-residenti fil-qrib.
Fuq inizjattiva tar-Review Team u wara li ngħataw l-approvazzjoni dawn taw ukoll ħarsa lejn ir-riskji fl-operat tal-impjant, riskji marbuta ma’ saħħa u sigurtà tal-ħaddiema fuq il-post tax-xogħol u kif ukoll raw l-aspett tal-produzzjoni tal-enerġija mill-impjant.
Il-Ministru Leo Brincat spjega li r-Review Team iltaqa’ sbatax-il darba, biex setgħa ħareġ b’dan ir-rapport estensiv li mhux biss janalizza s-sitwazzjoni fl-Impjant ta’ Sant’Antnin iżda wkoll jagħti serje ta’ rakkomandazzjonijiet.
Spjega wkoll li dan ir-Review Team għamel 3 site visits fl-Impjant ta’ Sant’Antnin u kellu wkoll laqgħa mas-Sant' Antnin Environmental Monitoring Committee u anke mal-komponent tal-MEPA ta’ dan il-kumitat.
Fost il-konklużjonijiet maġġuri li joħorġu minn dan ir-rapport hemm li minkejja oriġinarjament l-Impjant ta’ Sant’Antnin fuq firxa ta’ sena kellu jipprovdi elettriku għal 1,400 dar, instab iżda li l-enerġija prodotta mill-impjant qajla hija biżżejjed għal 45 dar.
Il-Ministru Leo Brincat qal li dan ir-rapport mhux biss janalizza s-sitwazzjoni fl-Impjant ta’ Sant’Antnin iżda wkoll jinkludi fih rakkomandazzjonijiet biex jitjieb l-operat tiegħu, inkluż mil-lat ambjentali.
Rakkomandazzjoni ewlenija li jagħmlu l-esperti hija li l-Family Park għandu jingħalaq għal xi żmien sakemm tissewwa ħsara teknika fl-impjant, li fil-fehma tal-Ministeru hija sintomu tal-immaniggjar u ppjanar ħażin tal-impjant tul is-snin.
Dan kif tixhed korrispondenza li l-Ministeru kien ircieva mit-tmexxija preċedenti tal-WasteServ.
Għalkemm din kienet biss opinjoni u mhux rakkomandazzjoni tal-esperti li ħejjew dan ir-rapport serju u billi għall-Gvern is-saħħa tan-nies tiġi l-ewwel u qabel kollox ,qed tittieħed id-deċiżjoni li l-Family Park għandu jingħalaq b’seħħ immedjat sabiex nimxu b’rispett sħiħ lejn is-saħħa tal-bniedem.
Ir-Review Team fir-rapport jirrakkomanda wkoll li b’mod urġenti hemm bżonn li tiġi evalwata mill-ġdid il-proċedura ta’ monitoraġġ tal-kwalità tal-arja fl-akwati tal-Impjant ta’ Sant’Antnin, bil-proċess biex jittieħdu kampjuni tal-arja għandu jkun wieħed kontinwu fuq bażi ta’ 24 siegħa. Ir-riżultati għandhom joħorġu fl-iqsar żmien possibbli u f’ħin reali. B’dan il-mod jista’ jkun hemm stampa reali tas-sitwazzjoni tal-arja.
Problema urġenti li r-Review Team identifika fl-Impjant ta’ Sant’Antnin hija li hemm nuqqasijiet fejn tidħol saħħa u sigurtà, kemm f’dak li huwa assessjar tar-riskji li hemm fl-impjant kif ukoll mil-lat ta’ ħarsien tas-saħħa u s-sigurtà f’post bħal dan. Ir-Review Team jgħid li fl-aħjar interess tal-ħaddiema u tal-operat tal-impjant hemm bżonn li jiġu implimentati miżuri għall-ħarsien tas-saħħa u s-sigurtà.
Il-Ministru Brincat qal li kif joħroġ minn dan ir-rapport, u anke mir-rapport ippreżentat ftit tal-jiem ilu fil-Parlament dwar il-WasteServ, hemm persuna waħda biss inkarigata mill-qasam tas-saħħa u s-sigurtà fl-Impjant ta’ Sant’Antnin u li din l-istess persuna tkopri l-impjanti l-oħra kollha li għandha l-WasteServ.
Instab ukoll nuqqas ta’ evidenza ċara fuq x’jikkostitwixxi proċess ta’monitoraġġ fl-impjant. Ir-Review Team jgħid fir-rapport li dan ingħata biss deskrizzjoni bil-fomm mingħajr ebda informazzjoni speċifika dwar dan.
Il-Ministru Brincat qal li min ġie inkarigat biex iħejji dan ir-rapport mhux biss kellu jingħata kooperazzjoni iżda dokumentazzjoni sħiħa u ffirmata u bid-dati kollha relevanti u mhux biss ħjiel dwar dak li huwa mifhum li seta’ sar. Ilment simili qal il-Ministru wasal kemm mill-kumpanija ta’ Awdituri Interni li kienet qabdet il-WasteServ innifisha kif ukoll mid-ditta ta’ Konsulenti li ħadmet fuq ir-rapport dwar is-sitwazzjoni tar-riżorsi umani fil-kumpanija.
Fir-rapport intqal ukoll li kienu ftit ħafna l-laqgħat li saru bejn WasteServ Malta Limited u l-Kumitat għall-moniteraġġ tal-MEPA.
Ir-Review Team wera wkoll it-tħassib tiegħu dwar l-aspett tal-assikurazzjoni tal-impjant u tal-ħaddiema f’każ ta’ riskji, aktar u aktar billi ma ngħata ebda evidenza dokumentata li dawn l-aspetti kollha kienu koperti minn naħa tal-kumpanija permezz ta’ poloz tal-assikurazzjoni.
Il-Ministru Brincat qal li “joħroġ ċar kemm tilgħab rwol importanti l-assikurazzjoni u l-ħtieġa li impjant simili jkun kopert minn kull angolu u f’kull ħin kontra kull tip ta’ riskji”.
Il-Ministru qal li dak li ħareġ mir-rapport dwar in-nuqqas ta’ separazzjoni xierqa tal-iskart sa mill-bidu nett tal-proċess għandu jnebbaħ lil min qed jikkordina l-Pjan Nazzjonali dwar l-Immaniġġjar tal-Iskart ħalli nevitaw nuqqasijiet serji tal-imgħoddi.
Qal li l-istess bħar-rapport ippubblikat ftit tal-jiem ilu dwar is-sitwazzjoni tar-riżorsi umani fil-WasteServ dan ir-rapport ippubblikat illum “jitfa' piż qawwi fuq id-Diretturi u l-Management tal-WasteServ biex jiżguraw li r-rakkomandazzjonijiet li joħorġu minnhu jiġu indirizzati b’sens ta’ urġenza u prijorità'”.
Stqarrijiet Oħra:
PR262030
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Is-saħħa mentali u l...
PR262029