INAWGURAT SERVIZZ NAZZJONALI TA’ INFORMAZZJONI GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ
Mil-lum ’il quddiem, iż-żgħażagħ jistgħu jiksbu l-informazzjoni u l-assistenza kollha li jistgħu jkollhom bżonn – per eżempju għal tiftix għax-xogħol, integrazzjoni aħjar fil-forza tax-xogħol u fis-soċjetà, u għajnuna psikoloġika – taħt saqaf wieħed. Il-Youth Information One Stop Shop (YIOSS), immexxi mill-Aġenzija Żgħażagħ, ġie inawgurat ilbieraħ il-Ħamis filgħaxija fil-Belt Valletta.
Waqt iċ-ċerimona li matulha inawgura ċ-ċentru, is-Segretarju Parlamentari għar-Riċerka u Innovazzjoni, Żgħażagħ u Sport, Stefan Buontempo, iffirma wkoll il-Karta Ewropea tal-Informazzjoni għaż-Żgħażagħ, li hija inizjattiva tal-aġenzija Ewropea għall-informazzjoni u l-għajnuna psikoloġika liż-żgħażagħ, l-ERYICA. Min-naħa tal-ERIYCA ffirma d-Direttur tagħha, Davide Capecchi. Dan ifisser li, minn issa ’l quddiem, l-Aġenzija Żgħażagħ se timpenja ruħha li l-informazzjoni li tipprovdi ssegwi l-linji gwida ta’ din il-Karta.
F’dan iċ-ċentru uniku se jkun qed jagħti s-sehem sħiħ tiegħu l-Ministeru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali, li se jkun qed jipprovdi żewġ Youth Workers (minn servizz tal-Aġenzija Appoġġ bl-isem ta’ Youth in Focus). Il-Youth Workers se jkunu qed jaraw żgħażagħ b’ċertu diffikultajiet. Dawn iż-żgħażagħ se jiġu mgħejuna sabiex jħarsu u jimxu ’l quddiem f’ħajjithom u anke servizzi offruti mill-Korporazzjoni għax-Xogħol u t-Taħriġ (l-ETC).
F’diskors tal-okkażjoni, is-Segretarju Parlamentari Buontempo qal li dan is-servizz se jkompli jissaħħaħ kontinwament permezz ta’ servizzi ġodda. Huwa saħaq li l-interessi taż-żgħażagħ huma fiċ-ċentru tal-politika tal-Gvern.
Is-Segretarju Parlamentari Buontempo qal li dan is-servizz ser ikun servizz immirat għaż-żgħażagħ li l-għan tiegħu huwa li joffri l-għodda meħtieġa biex iż-żgħażagħ ikollhom l-informazzjoni meħtieġa ħalli jkunu jistgħu jagħmlu suċċess fil-karriera tagħhom.
L-istess messaġġ wasslitu l-Ministru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali, Marie-Louise Coleiro Preca, li spjegat kif dan il-Gvern huwa kommess li jaddotta politika soċjali integrata, b’servizzi integrati li jmorru fuq livell komunitarju sabiex dawn jilħqu liż-żgħażagħ kollha.
L-Onor. Coleiro Preca qalet li l-ftuħ tal-Youth Information One Stop Shop huwa parti mill-kampanja ta’ prevenzjoni li l-Gvern qed jagħmel sabiex iż-żgħażagħ tagħna jagħmlu l-aħjar għażliet f’ħajjithom. Hija spjegat li dan il-Gvern huwa pro-attiv u għalhekk permezz tas-servizz tal-youth workers, iż-żgħażagħ tagħna jiġu mgħejuna qabel jaslu fix-xifer. Coleiro Preca qalet li dan huwa l-mod ħolistiku kif nistgħu tabilħaqq nilħqu l-aspirazzjonijiet taż-żgħażagħ.
Iċ-Ċentru jinsab f’76, Triq it-Teatru l-Antik, il-Belt Valletta u se jkun miftuħ mit-Tnejn sas-Sibt: it-Tnejn u l-Ħamis bejn il-5pm u t-8pm, u fil-ġranet l-oħra bejn id-9am u s-1pm.
Aktar informazzjoni:
Il-Karta Ewropea tal-Informazzjoni għaż-Żgħażagħ:
Stqarrijiet Oħra:
PR262030
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Is-saħħa mentali u l...
PR262029