IL-GVERN JILQA’ B’SODISFAZZJON ID-DEĊIŻJONI TA’ STANDARD AND POOR’S LI ŻŻOMM IL-CREDIT RATING TA’ PAJJIŻNA STABBLI
L-Aġenzija Standard and Poor’s tagħti r-raġunijiet tagħha għad-deċiżjoni li ħadet
Tinnota li l-Gvern il-ġdid miexi sewwa bi programm wiesa’ ta’ riformi li qegħdin jindirizzaw problemi li, xi wħud minnhom, ilhom jinġemgħu s-snin. Fosthom dawk marbuta mas-settur tal-energija li qegħdin jiġu indirizzati bil-pjan ċar tal-Gvern għal dan il-qasam, liema pjan kien ilu jinħass il-bżonn tiegħu.
L-aġenzija tgħid li minkejja d-diffikultajiet kollha, l-ekonomija tagħna hija soda u qiegħda tagħti riżultati li jiżbqu dawk taz-zona tal-ewro.
Standard and Poor’s tgħid bl-aktar mod ċar li s-settur finanzjarju f’pajjiżna huwa stabbli. Din l-istabbiltà li ġejja minn settur bankarju regolat sewwa, li għandu bażi kapitali soda u li qiegħed jagħmel il-qligħ.
Iżda Standard and Poor’s tiġbed ukoll l-attenzjoni għal dak li pajjiżna għandu bżonn jagħmel sabiex jibqa’ miexi ‘l quddiem. Issemmi l-bżonn li l-finanzi tal-Gvern jerġgħu jitpoġġew fuq sisien sodi u sostenibbli. Issemmi l-bżonn li pajjiżna jindirizza t-telf tal-Enemalta billi l-Gvern iwettaq b’suċċess il-pjan tiegħu għall-enerġija. Tisħaq ukoll fuq il-ħtieġa li aktar nisa jidħlu u jibqgħu jipparteċipaw fid-dinja tax-xogħol. Il-Gvern il-ġdid b’sodisfazzjon jinnota li dawn huma parti integrali mill-istrateġija ta’ riforma tiegħu u qiegħed jindirizzahom b’mod attiv ħafna.
Il-konferma tal-credit rating ta’ pajjiżna minn Standard and Poor’s huwa riżultat pożittiv għal pajjiżna; riżultat li għandu jimlina b’kuraġġ sabiex, filwaqt li nindirizzaw l-isfidi li għandna quddiemna, inkomplu naħdmu sabiex inżommu l-istabbiltà f’pajjiżna, ninċentivaw l-investiment u nkomplu noħolqu x-xogħol u l-ġid għal poplu tagħna.
Other Press Releases:
PR262031
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN U EWROPEJ Il-Ministru C...
PR262030