Left arrow Go Back

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ENERĠIJA U L-KONSERVAZZJONI TAL-ILMA

pr1544
Date Icon 18/07/2013

Il-Gvern se jkun qed jiltaqa’ mal-Awditur Ġenerali biex jiddiskuti l-konklużjonijiet tar-rapport dwar ix-xiri taż-żejt

Wara l-konkluzjonijiet iebsin tal-Awditur Ġenerali dwar kif kien jinxtara ż-żejt fis-snin li għaddew, il-Ministru għall-Enerġija u l-Konservazzjoni tal-Ilma ħabbar li l-Gvern se jkun qed jiltaqa’ mal-Awditur Ġenerali biex jiddiskuti l-konkluzjonijiet tar-rapport tiegħu.

Ħabbar ukoll li wara din il-laqgħa se jkunu qed isiru workshops interni fl-Enemalta biex jiġi evalwat kif se jitjieb aktar dan il-proċess.

Waqt press briefing, Il-Ministru tal-Enerġija ta rendikont tal-affarijiet li saru minn dan il-Gvern fl-aħħar xhur bl-għan li l-proċess tax-xiri taż-żejt ikun ġust u trasparenti.

Fost oħrajn billi iddaħħlu kontrolli godda fix-xiri taż-żejt, bl-introduzzjoni ta’ osservatur indipendenti fil-kumitat tax-xiri taż-żejt u b’aktar riklamar għat-tenders tal-Enemalta. Dan kien possibli permezz ta’ ftehim li ntlaħaq mal-PLATTS fl-aħħar xhur li wassal għal aktar interess u kompetizzjoni.

Bħala parti mill-proċess ta’ titjib, f’April ta’ din is-sena, twaqqfet ukoll il-funzjoni tal-Internal Audit fi ħdan l-Enemalta li permezz tagħha jkunu assigurati kontrolli aħjar fuq ix-xiri u nfieq fl-Enemalta qal il-Ministru Mizzi.

L-Onor. Konrad Mizzi qal li l-konklużjonijiet tal-Awditur huma xokkanti. L-Awditur jagħmel dikjarazzjonijiet iebsin u b’saħħithom dwar indħil ministerjali f’dan il-proċess.

Fosthom indħil liċ-chairman u s-CEO b’liema prezz għandu jsir il-hedging mill-membri tal-kumitat fix-xiri tal-prezz taż-żejt.  Dan jidher ċar f’email, li fiha tissemma r-reviżjoni fit-tariffi, li kienet intbagħtet xahar qabel ma t-tariffi kienu ġew approvati mill-Awtorità ta’ Malta dwar ir-riżorsi.Il-Ministru tal-Finanzi ta’ dak iż-żmien li sussegwentament sar responsabbli mill-Enemalta kien jaf x’qed jiġri ghaliex kien ikkupjat f’din il-korrispondenza bħala l-Ministru tal-Finanzi.

Il-Ministru Mizzi qal li dan m’huwiex mod trasparenti ta’ kif isiru l-affarijiet. Id-deċiżjonijiet għandhom jittieħdu wara evalwazzjoni ta’ rikomandazzjonijiet minn esperti.

Qal li mid-dettalji miġbura mill-Awditur, fil-perjodu li kien hemm dawn l-interventi kien irreġistrat telf finanzjarju sostanzjali. Minkejja d-dikjarazzjoni li l-gvern se jassumi r-responsabbilità ta’ xi telf, sal-llum ħadd ma refa’ din it-tip ta’ responsabbilità.

Minħabba li l-Ministru ta’ dak iż-żmien jissemma’ fir-rapport, illum il-ġurnata qed jgħid li m’għandux x’jgħid dwar il-każ għaliex irtira mill-politika, għandu jkun il-Kap tal-Oppozizzjoni li jgħid min se jerfa’ r-responsabbilità qal il-Ministru.

Ir-risposta tal-Oppozizzjoni ta’ erbgħa paragrafi għal rapport ta’ madwar erb’ mitt paġna ma tagħtix it-tweġibiet li l-poplu qed jistenna.

Qal li waħda mill-iktar dikjarazzjonijiet serji tal-Awditur hija dwar in-nuqqas ta’ policy u ta’ minuti li kkaratterizzaw b’mod konsistenti l-operat tal-kumitat dwar ix-xiri taż-żejt, u li għamluha impossibli li l-Uffiċju tal-Awditur iwettaq b’mod effettiv il-verifika ta’ proċess ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet mill-kumitat f’dak li għandu x’jaqsam mal-aġġudikazzjoni tal-offerti tat-tenders milqugħa u evalwati. Dan spikka f’dawk l-okkażżjonijiet meta l-kumitat ta tenders lil min ma ressaqx l-iktar offerta favorevoli.

Dan meta f’dan il-kumitat kienu jittieħdu deċiżjonijiet li swew lil pajjiżna mijiet ta’ miljuni ta’ ewro.

Minkejja li l-Awditur irrimarka li kien sar progress f’ċertu affarijiet, huwa nkwetanti, kif jidher fir-rapport li sal-aħħar tal-leġiżlatura li ghaddiet, xorta baqgħu jintrebħu kuntratti mill-istess kuntratturi temm jgħid il-Ministru Mizzi.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN U EWROPEJ  Il-Ministru Chris Fearne jindirizza t-18-il Laqgħa Annwali tal-Kunsill għall-Maltin li Jgħixu Barra minn Malta

PR262031

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN U EWROPEJ Il-Ministru C...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT  Is-saħħa mentali u l-benesseri fil-qalba tal-edukazzjoni – Il-Ministru Byron Camilleri jindirizza l-konferenza nazzjonali EduVoices 2026

PR262030

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Is-saħħa mentali u l...

More Press Releases Right arrow