Left arrow Mur Lura

IPPREŻENTAT RAPPORT DWAR L-ISTABBILTÀ TAL-AZURE WINDOW LI HEMM FID-DWEJRA GĦAWDEX. IR-RAPPORT, IKKUMISSJONAT MILL-MINISTRU LEO BRINCAT, FIH SENSIELA TA’ RAKKOMANDAZZJONIJIET

pr1537
Date Icon 18/07/2013

Dalgħodu l-Ministru għall-Iżvilupp Sostenibbli, l-Ambjent u t-Tibdil fil-Klima Leo Brincat ġie ippreżentat b’rapport  dwar is-sitwazzjoni tat-Tieqa Żerqa (Azure Window) li hemm fid-Dwejra Għawdex.

Dan wara li l-Ministru Leo Brincat ikkummissjona lil Geoscience Consulting biex tirraporta dwar l-istabbiltà tat-Tieqa Żerqa, fejn dan l-aħħar ċeda wkoll il-blat.

Ir-rapport li jġib l-isem ta’ Geological and Geotechnical Report on the Azure Window, Gozo: Rock Assessment and Recommendations on Preservation and Conservation huwa miktub mill-ġeologu Dr. Peter Gatt.

Ir-rapport jagħti analiżi dettaljata tas-saffi ta’ blat li jiffurmaw it-Tieqa Żerqa, kemm  fuq it-tip u kif ukoll fuq is-saħħa tal-blat.  Din l-analiżi hija meħtieġa biex tinftiehem id-dinamika ta’ kif qed iċedi l-blat.

Jirriżulta li tul dawn l-aħħar 30 sena kien hemm bosta drabi li ċeda l-blat mit-Tieqa Żerqa. Madanakollu s-saff ta’ blat li jifforma s-saqaf tat-Tieqa baqa’ relattivament intatt.

Ir-rapport jirrakkomanda monitoraġġ tax-xquq li qed jiżviluppaw fin-naħa t’isfel tat-Tieqa. Iż-żona ta’ madwar it-Tieqa ser tibqa perikoluża minħabba li jista’ jaqa’ xi blat mit-truf tat-Tieqa.

It-Tieqa Żerqa hija waħda mis-26 tieqa naturali li għandna fil-gżejjer tagħna. Apparti minn hekk iż-żona tat-Tieqa Żerqa għandha importanza ġeoloġika wkoll fuq livell Ewropew.

Il-Ministru Leo Brincat qal li, “Hekk kif ftit jiem wara li ħadt il-ħatra bħala Ministru reġgħu waqaw biċċiet oħra tat-Tieqa Żerqa, kif anke kien ġie rrapurtat fil-media lokali, kont ħadt passi immedjati biex isir studju aktar fil-fond minn dawk pjuttost inkonklussivi li saru fl-imgħoddi. Din id-darba b’sensiela ta’ rakkomandazzjonijiet miegħu”.

Il-Ministru Brincat faħħar il-kwalitajiet professjonali tal-ġeologu Dr. Peter Gatt u l-kwalità tar-rapport f’dak li huwa kontenut ppreżentat lilu.

Il-Ministru qal li bħal ma sar b’rapporti oħra, l-analiżi u r-rakkomandazzjonijiet li saru f’dan ir-rapport se jiġu miflija sew biex tittieħed l-azzjoni meħtieġa ħalli pajjiżna, b’mod partikulari Għawdex, ikompli jgawdi minn din il-ġawhra ġeoloġika.

Dan il-Gvern jiżen w iqis il-wirt ambjentali kollu ta’ pajjiżna inkluż dak ġeoloġiku, li tul is-snin ftit li xejn ingħata każ.

Huwa importanti li l-wirt ġeoloġiku tal-gżejjer Maltin jibda jitqies importanti daqs il-wirt ta’ flora u fawna.

Hemm numru ta’ siti fil-gżejjer Malti li jistgħu jiġu protetti bħala siti ta’ importanza ġeoloġika. Xi ħaġa li tista’ tittieħed għall-kunsiderazzjoni hija li dawn jingħataw lis-status ta’ geopark, jiġifieri park fejn il-forom ġeoloġiċi jiġu protetti u spjegati lill-pubbliku li jżuruhom.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT  Is-saħħa mentali u l-benesseri fil-qalba tal-edukazzjoni – Il-Ministru Byron Camilleri jindirizza l-konferenza nazzjonali EduVoices 2026

PR262030

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Is-saħħa mentali u l...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA   Fi tmiem il-ġimgħa se jsiru l-pagamenti tal-iskemi tal-anomaliji għall-2026

PR262029

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA Fi tmiem il-ġ...

Aktar Stqarrijiet Right arrow