ŻJARA LILL-KUMPANIJA OFFICE GROUP LIMITED U L-UFFIĊĊJU REĠJONALI TA’ KONIKA MINOLTA
Il-Ministru għall-Ekonomija, Investiment u Intrapriżi Żgħar, Dr. Chris Cardona għamel żjara lill-kumpanija Office Group Limited u l-uffiċċju reġjonali ta’ Konika Minolta.
Il-Ministru Cardona ddeskriva l-kumpanija Office Group Limited bħala kumpanija eżemplari li sa mit-twaqqif tagħha lura fl-1980 għarfet tieħu deċizjonijiet għaqlin u fittxet li tespandi s-suq tagħha lil hinn minn xtutna, partikolarment fl-Afrika ta’ fuq u l-Lvant Nofsani.
“Ċertament id-deċizjoni tal-kumpanija Internazzjonali Konika Minolta li tiftaħ l-uffiċċju reġjonali tagħha f’Malta b’kollaborazzjoni mal-Office Group Limited kompliet tkabbar il-profil ta’ din il-kumpanija lokali. Dan kien pass importanti għal din il-kumpanija Maltija li għarfet tisfrutta l-potenzjal ġeografiku kif ukoll l-abiltajiet tal-Maltin” qal il-Ministru Chris Cardona.
Dr. Chris Cardona qal li l-Intrapriża lokali kif ukoll il-Gvern Malti għandu ħafna x’jitgħallem mill-esperjenza pożittiva tal-kumpanija Office Group. L-istess kif għamlet din il-kumpanija, il-Gvern Malti jagħraf il-potenzjal li joffri pajjiżna u l-abiltajiet tal-Maltin. Propju għal dan il-għan qed issir ħidma f’diversi setturi li għandhom il-potenzjal li jkomplu jikbru f’pajjiżna fosthom is-servizzi finanzjarji, l-industrija Marittima u l-ekonomija diġitali.
Il-Ministru Cardona qal li l-Gvern jemmen li dawn is-setturi nemmnu li huma kruċjali flimkien ma’ oqsma oħrajn biex tkompli tinbena ekonomija b’saħħitha u moderna li toħloq tkabbir ekonomiku li jilħaq lil kulħadd.
Preżenti wkoll għal din iż-żjara kien hemm il-Ministru għat-Turizmu Karmenu Vella. Il-Ministru Cardona u l-Ministru Vella kienu mdawra mal-faċilitajiet li għandha din il-kumpanija mid-direttur ta’ Office Group Limited is-Sur Anthony Micallef u mir-rappreżentant tal-Konika Minolta f’Malta is-Sur Shintaro Inoue.
Other Press Releases:
PR262030
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Is-saħħa mentali u l...
PR262029