ATTIVITÀ FIŻIKA – ŻDIEDU L-PARTEĊIPANTI, ŻDIEDU L-ATTIVITAJIET, B’INQAS SPEJJEŻ
Rekord ta’ parteċipanti fi programm sportiv għas-sajf, b’3500 persuna ser jieħdu sehem fl-edizzjoni ta’ din is-sena Summer on the Move. L-iżgħar persuna tkun ta’ 4 snin u l-akbar wieħed 67 sena. Dan hu rekord ta’ persuni li se jieħdu sehem f’dan il-programm ta’ attività fiżika f’dixxiplini diversi li jinkludi l-għawm, ibburdjar, basketball, żfin, table-tennis u aktar. Dan tħabbar waqt żjara li għamel is-Segretarju Parlamentari għar-Riċerka, Innovazzjoni, Żgħażagħ u Sport, Stefan Buontempo, fil-Pixxina Nazzjonali waqt il-bidu ta’ Summer on the Move, programm sportiv għal kulħadd organizzat mill-Kunsill Malti għall-Isport.
Is-Segretarju Parlamentari Buontempo qal li din is-sena huwa ta’ sodisfazzjon kbir li għalkemm żdiedu n-numru ta’ parteċipanti f’dan il-programm, u żdiedu wkoll id-dixxiplini sportivi, l-ispiża għal dan il-programm, €310,000, ser tkun l-istess daqs is-sena l-oħra fejn kien hemm 3000 persuna. Dan jindika li bl-istess spiża ser jibbenefikaw b’madwar 500 persuna. Buontempo kompla jgħid, li din hija xhieda tal-għaqal ta’ dan il-Gvern, li bi tnaqqis ta’ burokrazija żejda, l-użu tat-teknoloġija fejn 40% tal-bookings saru online, u l-aħjar użu tal-equipment, se jkun hemm valur akbar għall-investiment li qed isir.
Buontempo qal li din is-sena ser ikun hemm aktar coaches u ser ikunu kwalifikati, għax l-għażla kienet ibbażata fuq il-kwalifiki biex jiġi assigurat standard għoli.
Fl-aħħar nett Buontempo appella biex fi programm bħal dan jieħu sehem kulħadd, ta’ kull età. Dan mhux programm għat-tfal jew għaż-żgħażagħ biss, imma wkoll għall-anzjani. Dan hu l-impenn tal-Gvern li jkollna soċjetà aktar attiva.
Stqarrijiet Oħra:
PR262030
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Is-saħħa mentali u l...
PR262029