YOUTH EXCHANGE MALTA – UNGERIJA
Grupp ta’ 18-il student miċ-Ċentru Bridges fi ħdan il-Kulleġġ Marija Regina (li jiġbor fih l-iskejjel sekondarji tal-bniet u tas-subien fil-Mosta u r-Resource Centre tal-Wardija) għadhom kif ħadu sehem f’Youth Exchange flimkien ma’ 18-il student tal-istess età tagħhom mill-Ungerija. L-attività saret bejn it-8 u l-15 ta’ Lulju u l-istudenti għexu flimkien mal-Youth Worker u leaders tagħhom f’Dar Porzjunkola, Baħar iċ-Ċagħaq.
Din kienet l-ewwel darba għall-Kulleġġ li sar Exchange permezz ta’ fondi mill-programm Youth in Action tal-UE. It-tema magħżula kienet “Thinking out of the Box” bil-għan li l-istudenti jibdew jitgħallmu jaħsbu f’dak li kapaċi jipproduċu flimkien favur sens ta’ servizz lill-komunità u bi spirtu ta’ intrapriża. Minbarra diskussjonijiet u logħob maħsub apposta, l-istudenti żgħażagħ ħadu sehem f’attivitajiet li jderruhom jaħdmu id f’id u juru l-ħiliet individwali li mhux dejjem jidspikkaw fl-ambjent skolastiku.
Attività partikolari li saret, bl-għajnuna tal-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar, ippreżentaw prodotti li għamlu huma stess matul il-ġimgħa, fil-pjazza ta’ Buġibba. Il-pubbliku seta’ jakkwista minn dawn il-prodotti ta’ artiġjanat kollettiv u joffri għotjiet b’għan filantropiku.
Is-Segretarju Parlamentari għar-Riċerka, l-Innovazzjoni, iż-Żgħażagħ u l-Isport Stefan Buontempo attenda s-serata f’Buġibba u ppreżenta ċertifikati lill-parteċipanti. Huwa tkellem dwar is-siwi ta’ ħidma extra-kurrikulari bħal din fejn studenti żgħażagħ Maltin jaħdmu bħala tim ma’ studenti bħalhom minn pajjiżi oħra.
Dr Buontempo feraħ lill-organizzaturi u liż-żgħażagħ għal dak li wettqu u pproduċew tul dan l-Exchange u awguralhom ikomplu jiżviluppaw dak li tgħallmu u jaqsmuh ma’ studenti oħra. Huwa saħaq li ż-żgħażagħ huma diġa’ l-bidu ta’ ġenerazzjoni ġdida li ma toffrix biss enerġija u dinamiżmu, imma wkoll sens ta’ kreattività li minnha jgawdi l-poplu kollu.
Other Press Releases:
PR262030
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Is-saħħa mentali u l...
PR262029