Left arrow Mur Lura

IL-MINISTRU HELENA DALLI ŻŻUR IL-MEUSAC

pr1496
Date Icon 12/07/2013

“Il-MEUSAC huwa strumentali biex il-poplu jkun mgħarraf bid-drittijiet u l-obbligi kollha li tagħtih iċ-ċittadinanza Ewropea, kif ukoll bl-opportunitajiet ta’ fondi Ewropej. Il-liġijiet u l-politiki tal-Unjoni Ewropea jolqtu lill-poplu tagħna b’mod dirett fid-diversi sferi tal-ħajja.”

Il-Ministru għad-Djalogu Soċjali, l-Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili, Dr Helena Dalli, qalet dan meta kienet qed iżżur lill-ħaddiema tal-MEUSAC dalgħodu.

Il-Ministru Dalli tkellmet dwar ir-rwol tal-MEUSAC li jservi bħala forum konsultattiv fejn l-imsieħba soċjali, kif ukoll ir-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili, iressqu l-proposti tagħhom fuq diversi temi qabel ma l-Gvern Malti jfassal il-pożizzjoni tiegħu dwar il-proposti leġiżlattivi tal-Kummissjoni Ewropea.  Dan isir fl-istrutturi ta’ konsultazzjoni tal-MEUSAC li jinvolvu rappreżentanti tal-Gvern, tal-partiti politiċi, tal-imsieħba soċjali u 98 organizzazzjoni tas-soċjetà ċivili.

Matul iż-żjara tagħha fl-uffiċċji tal-MEUSAC, il-Ministru Dalli ltaqgħet ukoll ma’ rappreżentanti tal-għaqdiet mhux governattivi (NGOs) li rċivew fondi Ewropej bil-għajnuna teknika tal-MEUSAC. Il-MEUSAC joffri dan is-servizz ta’ pariri tekniċi lill-għaqdiet mhux governattivi u lill-kunsilli lokali. Permezz ta’ din l-għajnuna, bejn Novembru tal-2008 u Ġunju ta’ din is-sena, 81 kunsill lokali ibbenefikaw minn total ta’ €11,456,743.86, filwaqt li għaqdiet mhux governattivi ibbenefikaw minn €6,270,702.40.  Barra minn dawn kien hemm ukoll entitajiet governattivi li ibbenefikaw minn €3,061,173 f’fondi Ewropej. Dan ifisser li f’dawn l-aħħar ħames snin il-MEUSAC kien strumentali biex l-għaqdiet mhux governattivi u l-kunsilli lokali jirċievu f’aktar minn €20 miljun f’fondi Ewropej.

Il-Ministru Dalli rringrazzjat lill-ħaddiema kollha tal-MEUSAC għas-sehem tagħhom u qalet li l-Gvern se jkompli jgħin lill-għaqdiet mhux governattivi u lill-kunsilli lokali biex jaċċessaw l-opportunitajiet ta’ fondi Ewropew għall-ġid tan-nies li jagħmlu użu mis-servizzi tagħhom u tar-residenti.

Il-Kap tal-MEUSAC, Dott. Vanni Xuereb, fisser l-apprezzament tiegħu, tal-management u tal-istaff tal-MEUSAC għall-interess kbir li l-Ministru Dalli qed turi fil-ħidma u fl-operat ta’ din l-entità. Hu enfasizza li għalkemm f’ħames sinin il-MEUSAC kiseb riżultati tajbin, trid issir ħidma flimkien biex jissaħħaħ il-proċess ta’ konsultazzjoni, jiżdied in-numru ta’ NGOs li jipparteċipaw f’dan il-proċess u li jużaw is-servizzi tal-MEUSAC biex jisfruttaw opportuntaijiet ta’ fondi mill-UE. Dott. Xuereb qal ukoll li anke fejn tidħol l-informazzjoni, għalkemm il-poplu Malti hu fost l-iktar mill-Istati Membri tal-UE li għandu għarfien dwar l-UE, tenħtieġ ħidma akbar f’dan il-qasam ukoll. Hawnhekk, hu rrefera għall-Ftehim ta’ Ġestjoni mal-Kummissjoni Ewropea li permezz tiegħu l-MEUSAC seta’ jimplimenta kampanji ta’ komunikazzjoni dwar diversi aspetti tal-UE u tas-sħubija ta’ Malta f’din l-Unjoni. Temm l-intervent tiegħu billi rringrazzja lill-ħaddiema kollha għad-dedikazzjoni sħiħa tagħhom fil-ħidma tal-MEUSAC.

Sfond

Qabel is-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea, il-MEUSAC kien sinonimu mal-proċess ta’ konsultazzjoni wiesgħa li l-Gvern kien wettaq fin-negozjati. Il-MEUSAC twaqqaf mill-ġdid fl-2008 u llum għandu tliet funzjonijiet ewlenin:

• imexxi proċess ta’ konsultazzjoni bejn uffiċjali tal-Gvern, il-partiti politiċi, l-imsieħba soċjali u s-soċjetà ċivili dwar proposti leġiżlattivi ġodda tal-UE;

• jinforma lill-pubbliku dwar il-liġijiet u l-politiki tal-UE, u kif dawn jistgħu jolqtu liċ-ċittadini, kif ukoll dwar opportunitajiet ta’ fondi mill-UE; u

• jipprovdi għajnuna teknika mingħajr ħlas lill-kunsilli lokali u lill-NGOs biex jibbenefikaw minn opportunitajiet ta’ fondi tal-UE.

Minbarra dawn il-funzjonijiet ewlenin, din is-sena l-MEUSAC ġie maħtur mill-Gvern bħala l-kordinatur nazzjonali tas-Sena Ewropea taċ-Ċittadini 2013. Permezz ta’ attivitajiet u kampanji ta’ komunikazzjoni, il-MEUSAC qiegħed iwessa’ l-għarfien u jistimula dibattitu wiesgħa maċ-ċittadini dwar id-drittijiet tagħhom fl-Unjoni Ewropea.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT  Is-saħħa mentali u l-benesseri fil-qalba tal-edukazzjoni – Il-Ministru Byron Camilleri jindirizza l-konferenza nazzjonali EduVoices 2026

PR262030

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Is-saħħa mentali u l...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA   Fi tmiem il-ġimgħa se jsiru l-pagamenti tal-iskemi tal-anomaliji għall-2026

PR262029

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA Fi tmiem il-ġ...

Aktar Stqarrijiet Right arrow