DISKORS MILL-PRIM MINISTRU, L-ONOR. JOSEPH MUSCAT, FL-OKKAŻJONI TAL-INDIRIZZ LILL-KAMRA TAD-DEPUTATI MILL-EĊĊELLENZA TIEGĦU S-SUR HERMAN VAN ROMPUY
Mr. Speaker,
Sur President Van Rompuy,
Kollegi u Mistednin Distinti,
Irnexxielek tgħaqqadna llum għax f’din il-kamra ċapċapna għal diskors wieħed ma tantx hija komuni u allura nibdew billi nirringrazzjawk - anka wara dibattiti ta’ tensjoni li kellna u jkollna hawn ġew. Hawnhekk President ġejt fl-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż li jqis lilu nnifsu Ewropew, Mediterranju u Malti. Ħadt pjaċir ukoll illi fid-diskors tiegħek ħallejt kantuniera ċkejkna għall-gżira tagħna ta’ Għawdex illi mhux ta’ spiss tissemma minn dinjitarji barranin.
Sur President, f’din il-kamra għandna forsi ftit uniċità wkoll għaliex kemm jien innifsi u kemm id-deputat Prim Ministru tiegħi, kemm il-Ministru tal-Finanzi tiegħi kif ukoll il-Kap tal-Oppożizzjoni, kollha ġejjin minn ħidma minn istituzzjoni Ewropea: il-Parlament Ewropew.
Naħseb ilkoll kemm aħna l-ewwel darba li dħalna f’din il-kamra ħadna qatgħa bit-tul tad-diskorsi u bil-proċeduri kemmxejn differenti mill-mod spedit kif imdorrija jsiru fi Brussell, imma hawn ġew tidher fil-mod organiku ta’ kif jorganizza ruħu dan il-Parlament, il-mod vibranti u aġli ta’ kif dan pajjiżna jimxi ‘il quddiem.
Għandna ekonomija illi mxiet matul is-snin, taħt kull gvern, u li hemm impenn sħiħ illi fir-regoli Komunitarji nkomplu nkabbruha; inkomplu niċħdu l-aspettazzjonijiet forsi; inkomplu mmorru kontra l-kurrent u nġibu riżultati aħjar milli forsi nies oħra jistennew.
Sur President, f’dan kollu iżda għandna linji ċari; aħna rridu li l-governanza Ewropea, speċjalment taż-żona Ewro tkun waħda b’saħħitha. Huwa f’interess sħiħ tagħna. Biss nemmnu li hemm bżonn ta’ bilanċ bejn dan l-interess ta’ governanza u is-sovranità Nazzjonali tal-pajjiż fejn id-deċiżjonijiet b’mod partikolari tal-pajjiż dwar it-tassazzjoni jibqgħu jittieħdu f’din il-kamra ċkejkna u kbira fl-istess ħin ta’ dan il-pajjiż ċkejken u kbir. U din hija il-linja li qed nieħdu b’rispett lejn l-identità Ewropea tagħna u b’rispett ejn il-mandat demokratikku illi dan il-gvern u kwalunkwe gvern ta’ qabel u kwalunkwe gvern li ġej, ngħid jien, kellu, għandu u jibqa’ jkollu.
Sur President, kif għedt sewwa inti, l-isfida ewlenija quddiem pajjiżna mill-lat ekonimiku iżda anka soċjali hija dik tal-enerġija. Is-sitwazzzjoni tal-qafas tal-enerġija f’pajjiżna hija waħda li għandha bżonn titjib drastiku. It-titjib drastiku ħa jsir fil-ħin u ħa jwassal biex iħaffef il-piżijiet li semmejt int minn fuq il-familji iżda wkoll illi jagħmel l-ekonomija tagħna aktar kompetittiva u għalhekk qed iwassal għal tkabbir ekonomiku. U għaliex iwassal it-tkabbir ekonomiku? Għaliex mingħajr dan it-tkabbir ekonomiku ma nistgħux nilħqu t-tkabbir ekonomiku tagħna li dwaru aħna m’aħniex marbutin b’nofs qalb iżda aħna marbutin b’mod konxju li nosservaw fost l-oħrajn għaż-żona Ewro, fost l-oħrajn għar-riduzzjoni tad-deficit tagħna. Nemmnu li l-ebda programm għat-tnaqqis tad-deficit ma jista’ jkun sostenibbli għat-tul mingħajr tkabbir fl-ekonomija. U dan huwa l-mod kif aħna nargumentaw fl-istituzzjonijiet Ewropej. Hemm bżonn illi l-Ewropa żżomm ir-riedni għad-dixxiplina fiskali; iżżomm ir-riedni biex kulħadd iżomm mar-regoli. Iżda hemm bżonn li dawn ir-regoli jibqgħu ikunu u għandhom isiru aktar flessibbli u jaraw li t-tkabbir ekonomiku ma jkunx il-vittma ta’ dan kollu.
Sur President, illum it-taħdidiet tagħna seħħew f’kuntest illi kulħadd jaf. Il-kuntest tas-sitwazzzjoni li għandna madwarna. Il-kuntest tal-wasliet li dejjem jiżdiedu ta’ immigranti fuq ix-xtut tagħna. Bħalissa, kif tafu, waqt li qegħdin nitkellmu; il-forzi tagħna qegħdin iħarsu lejn 500 persuna oħra illi qed jaqsmu bħalissa l-Mediterran, illi flimkien ma’ Pajjiżi oħra qed nimmoniterjawhom. Din hija traġedja umana Sur President fejn dan il-poplu jkolli nistqarr iħossu abbandunat. Għedtlek u tkellimt miegħek u sibt bniedem, illi tgħallimt insir nafek matu l-erba’ xhur illi għaddew, illi lest li jisma’. Inkun qed nonqos li ma ngħidlekx kif diġà għedtlek dwar is-sentiment illi hawn fost il-poplu tagħna, illi tħallejna waħedna.
Sewwa għedt int illi kien hemm flus illi ġew allokati. Sewwa għedt int illi saru proċeduri, imma kif għednielek, ma naħsbux li hija kwsitjoni ta’ flus. Il-flus jgħinu, merħba bihom. Imma hija kwistjoni ta’ effort iktar kordinat b’soluzzjonijiet illi hemm bżonn.
Sur President, aħna is-solidarjetà bqajna nagħtuha. Bqajna nagħtuha anka meta għollejna leħinna. Għollejna leħinna biex leħinna jinstema. Biex din it-traġedja li donnha kienet qed tintesa, anka mill-mezzi tax-xandir internazzjonali. Li fl-aħħar xi ħadd jerġa’ jinduna illi t-traġedja għadha għaddejja. M’għandhiex tindera, m’għandhiex tieħu l-ispazju ta’ aħbarijiet oħra għax din hija l-aħbar. L-aħbar mhijiex il-banek li qegħdin fil-perikolu li jfallu.
Kemm konna aġli u aġġilna bħala Ewropa. U sewwa għamilna, illi jekk naraw banek li qegħdin iċedu, insalvawhom. Kemm irridu nkunu aktar aġli meta naraw li hemm nies li qed iċedu, nies li qed jegħrqu. U mhux biss insalvawhom fiżikament imma naraw li s-sitwazzjoni tiġi indirizzata fil-kor tagħha – fl-oriġini tagħha. Sur President, din il-kamra fil-kobor u ċ-ċokon tagħha uriet dak is-sens ta’ solidarjetà anka meta kien forsi aktar faċli illi nintreħew ma’ mewġiet oħra: meta ġiet il-kriżi Griega, meta iffaċċjaw kriżi pajjiżi oħra, kriżi finanzjarja. Din il-kamra Sur President, b’unanimità, u nissuspetta li fl-ebda pajjiż ieħor tal-Unjoni Ewropea ma ġara hekk. Din il-kamra, kull wieħed u waħda mill-membri tagħħa vvutat favur li ngħinu nies illi lanqas biss nafu; li nagħtu minn flusna għax emminna fil-valur tas-solidarjetà. Tajna b’kollox tlieta fil-mija tal-Prodott Gross Domestiku. M’hawnx pajjiż ieħor fl-Unjoni Ewropea illi il-kont tiegħu għal dawn il-proċeduri ġie daqstant għoli imma għamilnih b’konvinzjoni u dan huwa mertu ta’ kulħadd f’din il-kamra.
Sur President, għalhekk il-poplu jħossu abbandunat għax issa huwa l-mument li aħna għandna bżonn l-għajnuna. Għandna bżonn l-għajnuna aħna biex inkunu l-vuċi ta’ min m’għandux vuċi. Imma għandna bżonn l-għajnuna aħna għax qegħdin ngħidu li aħna ma nistgħux naslu.
Sur President, kif forsi tafni m’inix tip ta’ persuna illi ħa niġi nilmenta mingħajr ma noffri soluzzjonijiet. Nifhem il-limitazzjonijiet li għandu l-uffiċju tiegħek. Nifhem l-argumentazzjonijet li għandhom pajjiżi oħra, iżda ħa nkomplu nsostnu li hemm bżonn solidarjetà aktar ċara u konkreta mill-pajjiżi sħabna tal-Unjoni Ewropea. Nifhmu wkoll li ma nistgħux niefqu hawn u għalhekk illum stess ġejna b’soluzzjonijiet oħra. Soluzzjonijiet illi ma jirrikjedux flus, ma jirrikjedux illi wieħed jitlob lill-ħaddieħor jerfa’ dak li mhux tiegħu, imma soluzzjonijiet fejn ġbarna flimkien partner kruċjali tagħna bħala pajjiż u bħala Ewropa li hija l-Libja biex flimkien jitkellmu kif se nimxu ‘l quddiem. Imma naħseb bħali rajt Sur President, forsi għall-ewwel darba forsi f’ħafna snin, ir-rieda ċara tal-gvern Libjan. Il-preżenza biss tad-Deputat Prim Ministru tal-Libja, li ġie apposta biex inkunu nistgħu nibdew niftħu dan il-bieb u bil-proposti konkreti minn naħa tagħna u minn naħa tal-gvern Libjan kif nistgħu nimxu ‘l quddiem biex verament insibu soluzzjoni li tkun aktar dejjiema u li ma titfax piżijiet fuq nies illi diġà għandhom biżżejjed piżijiet.
Sur President, jien nirringrazzjak talli fhimtna. Nirringrazzjak talli għedtilna pubblikament illi r-riħ fejn qed jimbottaw dawn is-soluzzjonijet se tagħmlu tiegħek u tesplora dawn l-opportunitajiet. Aħna se nkomplu nagħmlu l-parti tagħna; ħa nagħmlu l-parti tagħna flimkien mal-Libja li aħna nsostnu li mhijiex parti mill-problema, għandha tkun parti mis-soluzzjoni u nhar it-Tnejn li ġejjin ħa nkun mal-kollega tagħna il-Prim Ministru Taljan f’Ruma biex inkunu nistgħu inkomplu nitkellmu fost l-oħrajn kif ningħaqdu aħna fin-nofs tal-Mediterran, il-ħbieb tagħna fin-naħa t’isfel u l-ħbieb tagħna fin-naħa ta’ fuq biex nixprunaw, anka bl-għajnuna tiegħek minn Brussell modi ta’ kif din il-problema ma titħalliex tegħreq fl-indifferenza, il-globalizzazzjoni tal-indifferenza. Din hija l-frażi tant punġenti u famuża illi poġġa il-papa quddiemna.
Sur President ħa ssib fina u tkompli ssib fina partners raġonevoli. Partners li iżda lesti jgħinu fejn hemm bżonn. Partners illi lesti jiftiehmu iżda mhux lesti li joqogħdu għall-kollox. Ħa ssib fina partners li ħa jkunu qegħdin mal-istess mejda mingħajr sens ta’ inferjorità illi jgħid fejn jaqblu, u jgħidu fejn ma jaqblux, illi magħna taf fejn qiegħed.
Sur President, huwa f’dan il-kuntest illi ħadt pjaċir ħafna illi inti semmejt u ddedikajt tant ħin għas-sitwazzjoni tal-ġirien tagħna tan-naħa t’isfel tal-Mediterran. Is-Sitwazzjoni fl-Afrika ta’ Fuq, it-tensjonijet, il-fatt illi forsi d-dinja tal-Punent għadha ma fehmitx sewwa is-sitwazzjoni ta’ dawn sħabna. Forsi qed tipprova timponi affarijiet minflok tisma’ l-karba.
Sur President, huwa sintomatiku illi illum inti qiegħed hawnhekk u qiegħed tifhimni permezz ta’ interpretu filwaqt li kieku hawn ħbieb tagħna minn naħa ta’ fuq tal-Afrika aktarx lanqas għandhom bżonn dak l-interpretu. Dan minnha nnifisha l-idjoma tagħna hija l-kultura tagħna, il-kultura tagħna, il-karattru tagħna, l-identità Mediterranea tagħna. U l-impenn tagħna ħa jkun illi aħna bħala Mediterranji ħa nibqgħu naħdmu u mhux inkunu passivi imma inkunu attivi ħafna biex naraw li l-Ewropa ma tinjorax lill-Afrika ta’ Fuq. Din ħa tkun Sur President ukoll waħda mit-temi tagħna għall-Presidenza tal-2017. Hija xi ħaġa li qed nippruvaw mhux biss għalina bħala gvern imma bħala poplu fejn ħa nkunu qegħdin nippruvaw norbtu flimkien l-aħjar elementi ta’ dan il-pajjiż fejn għandna llum il-ġurnata wkoll Segretarju Parlamentari li qiegħed biss fuq dan il-qasam fi ħdan Ministeru li qiegħed biss fuq dan il-qasam tal-Affarijiet Ewrepej. Dan huwa l-impenn tagħna Sur President. Nirringrazzjak mill-ġdid talli qed insibu fik partner li nistgħu nafdaw.
Grazzi ħafna.
Stqarrijiet Oħra:
PR262030
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Is-saħħa mentali u l...
PR262029