Left arrow Mur Lura

RAPPREŻENTANTI MIS-SETTUR TURISTIKU BI PROPOSTI GĦAL TITJIB TAŻ-ŻONA TURISTIKA TA’ SAN PAWL IL-BAĦAR, IL-QAWRA U BUĠIBBA

pr1468
Date Icon 10/07/2013

F’laqgħa organizzata mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar, rappreżentanti mis-settur turistiku f’San Pawl il-Baħar, il-Qawra u Buġibba ressqu bosta proposti għal titjib taż-żona li joperaw fiha u li minnha jibbenefika t-turiżmu.

Preżenti għal din il-laqgħa kien hemm il-Ministru għat-Turiżmu l-Onor. Karmenu Vella, il-Ministru għat-Trasport u l-Infrastruttura l-Onor. Joe Mizzi u s-Segretarju Parlamentari għall-Ippjanar u Simplifikazzjoni Amministrattiva l-Onor. Michael Farrugia.

L-operaturi turistiċi semmew il-problema tal-parkeġġ li teżisti fl-akwata filwaqt li elenkaw bosta siti tal-gvern li preżentament mhumiex użati u li jistgħu jkunu faċilment konvertiti f’parkeġġi li jesgħu kwantità sostanzjali ta’ vetturi.

Issemma wkoll il-bżonn li jkun provdut post għall-irmiġġ ta’ jottijiet b’servizzi anċillari li minnu nnifsu jista’ jiġġenera x-xogħol fl-akwata.

Dwar il-promenade tal-Qawra u Buġibba l-lukandiera u s-sidien tar-ristoranti qalu kif l-aħħar darba li kien sar xogħol estensiv fuqha kien fl-1996 taħt il-gvern laburista ta’ dak iż-żmien. F’dan ir-rigward saħqu li l-promenade tirrikjedi xogħol ta’ rinnovament bħalma sar f’postijiet oħra turistiċi fosthom f’San Ġiljan u Tas-Sliema biex tagħmel il-post aktar attraenti.

Proposti oħra li saru kienu jinkludu l-possibilità ta’ perched beach, u użu ta’ platforms li jipproteġu l-blat u li jippermettu aktar aċċessibilità għall-bajjiet mill-għawwiema.

Il-Ministru għat-Turiżmu Karmenu Vella tkellem fuq il-ħidma li mbarka fuqha l-Ministeru għall-ħolqien ta’ tourism action committees li mistennija jkunu jinkludu rappreżentanza minn diversi Ministeri, kunsilli lokali u stakeholders bil-għan li jiġu identifikati l-isfidi u materji li hemm bżonn ikunu indirizzati fl-akwata inkluż f’San Pawl il-Baħar, il-Qawra u Buġibba.

Il-Ministru Vella semma wkoll kif mistenni jkun imtejjeb il-proċess fejn għandhom x’jaqsmu talbiet għal permessi ta’ ħruġ ta’ mwejjed u siġġijiet barra.

Il-Ministru għat-Trasport u l-Infrastruttura l-Onor. Joe Mizzi qal li l-pjan tal-gvern hu li jfassal programm ta’ ħames snin u jimxi bi prijoritajiet. Ħeġġeġ lir-rappreżentanti turistiċi biex jissottomettu l-pjani u l-proġetti tagħhom sabiex dawn ikunu evalwati.

Il-Ministru Mizzi semma kif fil-ġranet li ġejjin mistenni jinħoloq maintenance unit li se jkun qed jieħu passi immedjati fuq manutenzjoni li tkun trid issir b’mod urġenti fit-toroq u f’postijiet pubbliċi, fl-istess ħin li se jitwaqqaf ukoll kumitat ta’ koordinament li se jara li meta jsiru toroq ġodda s-servizzi kollha li hemm bżonn jingħaddew minn qabel biex ikun evitat li t-toroq joqogħdu jerġgħu jinqalgħu.

Is-Segretarju Parlamentari għall-Ippjanar u Simplifikazzjoni Amministrattiva l-Onor. Michael Farrugia tkellem fuq il-problema tal-parkeġġi u qal li se jkun possibli li permezz ta’ applikazzjoni tat-tip DNO (development notification order), fi żmien qasir bosta akwati se jkunu jistgħu temporanjament jiġu kkonvertiti f’parkeġġi.

Il-laqgħa li saret it-Tlieta filgħaxija fil-Qawra kienet waħda minn serje ta’ laqgħat li l-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar iżomm b’mod regolari mal-operaturi turistiċi fiż-żona ta’ San Pawl il-Baħar.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT  Is-saħħa mentali u l-benesseri fil-qalba tal-edukazzjoni – Il-Ministru Byron Camilleri jindirizza l-konferenza nazzjonali EduVoices 2026

PR262030

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Is-saħħa mentali u l...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA   Fi tmiem il-ġimgħa se jsiru l-pagamenti tal-iskemi tal-anomaliji għall-2026

PR262029

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA Fi tmiem il-ġ...

Aktar Stqarrijiet Right arrow