Left arrow Mur Lura

“IL-LIĠI DWAR L-IŻVILUPP SOSTENIBBLI: HEMM BŻONN LI TINGĦATA L-ĦAJJA U TIBDA TINĦASS U TIFTIEHEM MINN KULLĦADD” – IL-MINISTRU LEO BRINCAT

pr1467
Date Icon 10/07/2013

Dalgħodu  l-Ministru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima, Leo Brincat kellu laqgħa mal-membri tal-Kummissjoni  Gwardjan għall-Ġenerazzjonijiet Futuri mmexxija mis-Sur Michael Zammit Cutajar bħala c-Chairperson u  mal-membri  tan-Network dwar Żvilupp Sostenibbli li c-Chairperson tagħha huwa s-Sur Alfred Quintano.

Il-Ministru Leo Brincat qal li għalkemm kien pass pożittiv ħafna li sena ilu l-liġi għaddiet b’kunsens u b’xi emendi tal-Oppożizzjoni, ma jistax jifhem kif kellhom jgħaddu kważi ħames xhur minn meta għaddiet il-liġi biex jinħatru l-membri l-ġodda.

Huwa innota wkoll kif fil-Parlament bejn l-ewwel qari tal-Att, li sar fl-20 ta’ Ottubru tal-2010, u meta dan ġie approvat f’Lulju tas-sena l-oħra, kellhom jgħaddu sena u disa’ xhur. B’kollox għaddew sentejn u xahrejn mill-ewwel qari sakemm inħatru l-membri.

Apparti minn hekk il-Ministru Brincat innota li fil-Budget għal din is-sena ma kien hemm ebda provvediment finanzjarju għall-iżvilupp sostenibbli biex jissaħħu l-istrutturi li nħolqu.

Huwa qal li jinsab fiduċjuż li dawn l-istrutturi, li l-biċċa l-kbira tal-membri tagħhom kienu kkonfermati mill-ġdid,  huma komposti minn nies ta’ ħiliet kbar u li kapaċi jagħtu kontribut ferm siewi.

Qal li jemmen li biex il-ħidma tagħhom tagħti l-frott qabel xejn hemm bżonn li ż-żewġ partijiet b’mod partikulari l-Gwardjan għall-Ġenerazzjonijiet Futuri - għaliex jista’ jservi ta’ Think Tank tal-Gvern f’dan il-qasam importanti – jagħmlu analiżi kritika. Dawn għandhom ukoll joffru ideat konkreti dwar kif tista’ tiġi mfassla strateġija ċara u li tiftiehem dwar l-iżvilupp sostenibbli b’sensiela ta’ rakkomandazzjonijiet speċifiċi, li wara jkunu jistgħu jiġu kkunsidrati mill-Gvern.

Filwaqt li jemmen bis-sħiħ fid-diċentralizazzjoni - billi fi stadju ulterjuri tiġi involuta wkoll is-soċjetà ċivili bis-sehem tal-Kunsilli Lokali fil-proċess tal-iżvilupp sostenibbli - il-Ministru Brincat qal li jinkwetah il-fatt li ltaqa’ ma’ persuni intiżi fl-iżvilupp sostenibbli li lanqas kienu jafu xejn dwar il-liġi nnifisha.

Qal li dan id-defiċit jista’ jiġi indirizzat biss billi jkun hemm strateġija ta’ komunikazzjoni effettiva flimkien ma’ kampanja edukattiva qawwija, kif ukoll billi dak li sar diġà minn naħa tal-Ministeru tiegħu bi ftehim mal-Kabinett jagħti l-frott mixtieq.

Huwa rrefera għall-laqgħa li kellu mas-Segretarji Permanenti kollha bl-għajnuna tas-Segretarju Permanenti Ewlieni l-PPS fl-Uffiċju tal-Prim Ministru, biex dan kollu jseħħ. Il-Ministru spjega li dan sar biex kif tipprovdi l-liġi kull Ministeru jaħtar persuna responsabbli għall-ħidmiet marbutin mal-iżvilupp  sostenibbli fl-oqsma rispettivi tagħhom. Dan bl-iskop li l-ħidma tkun waħda kollettiva aktar milli ta’ Ministeru wieħed, bil-Ministru jispjega li l-Ministeru tiegħu għandu jservi wkoll ta’ koordinatur u katalista f’dan il-proċess.

Il-Ministru Leo Brincat ħabbar li preżentament il-Ministeru tiegħu qiegħed jaħdem fuq Business Plan u dan bl-iskop li jkun hemm monitoraġġ aktar effettiv u implimentazzjoni ta’ miżuri marbutin mal-iżvilupp sostenibbli fl-oqsma u fis-setturi ewlenin.

Il-Ministru temm jgħid li b’dan il-mod biss il-liġi li għandna dwar l-Iżvilupp Sostenibbli tista’ tingħata l-ħajja u tibda tinħass u tiftiehem minn kullħadd.

Il-membri tal-Kummissjoni  Gwardjan għall-Ġenerazzjonijiet Futuri huma dawn:

Mr. Michael Żammit Cutajar  (Chairperson)

Mr.  Michael C. Bonello

Ms. Simone Mizzi

Dr. Roberta Lepre

Il-membri tan-Network dwar Żvilupp Sostenibbli huma dawn:

Mr. Alfred Quintano  (Chairperson)

Ms. Michelle Borg   (Deputy Chairperson)

Mr. Joshua Żammit

Ing. Marco Cremona

Dr. Mark Causon

Ms. Maire Lourdes Grech  (Direttur Generali fi ħdan l-OPM)

Mr. John Vella (Rapp. tas-Segretarju Permanenti fi ħdan MSDEC)

Mr. Mark Musu Segretarju Permanenti fi ħdan MFSS)

Ms. Paulanne Mamo (Segretarju Permanenti fi ħdan MEIB)

Ms. Karina Fiorini

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT  Is-saħħa mentali u l-benesseri fil-qalba tal-edukazzjoni – Il-Ministru Byron Camilleri jindirizza l-konferenza nazzjonali EduVoices 2026

PR262030

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Is-saħħa mentali u l...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA   Fi tmiem il-ġimgħa se jsiru l-pagamenti tal-iskemi tal-anomaliji għall-2026

PR262029

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA Fi tmiem il-ġ...

Aktar Stqarrijiet Right arrow