IL-KABINETT JILTAQA’ F’MARSAXLOKK
It-18-il laqgħa tal-kabinett f’din il-leġiżlatura saret fil-lokalità ta’ Marsaxlokk. Il-Prim Ministru, Dr. Joseph Muscat, qal li din kienet l-ewwel laqgħa li qed issir barra l-binjiet uffiċjali tal-gvern fil-Belt Valletta u fakkar li, kif imwiegħed fil-manifest elettorali, minn żmien għall-żmien dan il-kabinett se jkun qed jiltaqa’ f’lokalitajiet differenti sabiex jisma’ dwar l-isfidi u l-opportunitajiet li jkunu qed jiffaċċjaw l-inħawi fejn tkun qed issir il-laqgħa.
Għal-laqgħa attendew il-Kunsill Lokali ta’ Marsaxlokk u sindki oħra li jagħmlu parti mill-kumitat reġjonali tax-Xlokk. Dr Muscat qal li dawn it-tip ta’ laqgħat huma prattikament bla preċedent. Din l-inizjattiva se tkun mod kif il-prijoritajiet tal-gvern jimxu skont l-aspirazzjonijiet tan-nies ta’ dawn l-inħawi, qal il-Prim Ministru.
Edric Micallef, sindku ta’ Marsaxlokk, laqa’ din l-inizjattiva u faħħar il-fatt li l-ewwel laqgħa saret fil-lokalita ta’ Marsaxlokk. Dan, qal is-Sur Micallef, jawgura tajjeb għall-proposti ta’ dan ir-reġjun. Is-Sindku għamel preżentazzjoni lill-membri tal-Kabinett fejn qal li Marsaxlokk għandu wirt storiku li jmur lura sa 3000 Q.K. u li hemm bżonn li tingħata attenzjoni lill-patrimonju kulturali li hemm f’dawn l-inħawi, fosthom it-tempju f’Tas-Silġ.
Fost il-proposti li saru mis-Sindku, intqal li għandu jkun hemm rabta ekonomika bejn il-kunsilli lokali u entitajiet kummerċjali. B’dan il-mod, qal is-Sindku, il-kunsilli lokali jkunu jistgħu jibbenefikaw finanzjarjament minn dan it-tip ta’ kollaborazzjoni u b’hekk ikunu jistgħu iwettqu aktar proġetti għal-lokal.
Bħala prijoritajiet, is-Sindku identifika l-Park Nazzjonali ta’ Dellimara, il-ħarsien tal-wirt storiku tal-lokalità, l-organizzazzjoni tas-swieq fil-beraħ u l-imwejjed tar-ristoranti, organizzazzjoni fiż-żona tal-Magħluq, li titranġa d-daħla ta’ Marsaxlokk u li jkun hemm faċilitajiet għad-dgħajjes iż-żgħar sabiex jitneħħew ħafna karrijiet fit-toroq. Is-sindki l-oħra tar-reġjun tax-Xlokk tkellmu dwar ir-realtajiet u l-bżonnijiet tal-lokalitajiet li jirrapreżentaw. Fost is-suġġetti mqajjma kien hemm l-ambjent, l-infrastruttura, l-edukazzjoni, l-politika soċjali, il-parkeġġ u l-finanzjament tal-kunsilli lokali.
Il-Prim Ministru qal li l-Gvern qed jieħu nota tal-punti kollha li għamlu r-rappreżentanti lokali tal-poplu u, permezz tas-segretarju tal-Kabinett Mario Cutajar, se jitressqu fil-Ministeri rispettivi sabiex jibda proċess ta’ ħidma kontinwa dwarhom.
Stqarrijiet Oħra:
PR262030
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Is-saħħa mentali u l...
PR262029