IMNIEDI SERVIZZ ĠDID TA’ TRASPORT BIL-BAĦAR BEJN MALTA U SQALLIJA
Il-Ministru għat-Turiżmu jgħid li dan is-servizz se jkompli jtejjeb l-aċċessibilità bejn iż-żewġ gżejjer.
Fi tmiem il-ġimgħa abbord il-bastiment MV Audacia kien imniedi servizz ġdid ta’ trasport bil-baħar bejn Malta u Sqallija mill-kumpanija Grimaldi Holding rappreżentati f’Malta minn Gollcher Group.
Is-servizz li se jkun qed jopera bejn Malta, Salerno u Augusta għal tliet darbiet fil-ġimgħa sal-aħħar t’Awwissu kien imniedi fil-preżenza tal-Ministru għat-Turiżmu l-Onor. Karmenu Vella u l-Ministru għall-Ekonomija, Investiment u Intrapriżi Żgħar, l-Onor. Chris Cardona.
Il-Ministru għat-Turiżmu Karmenu Vella qal li dan is-servizz ġdid bejn iż-żewġ gżejjer mistenni jikkumplimenta servizzi oħra eżistenti regolari sew bl-ajru kif ukoll bil-baħar kif ukoll se jkompli jtejjeb l-aċċessibilità.
Semma kif ċifri għall-2012 juru li fejn jidħol vjaġġar bl-ajru, is-sena li għaddiet waslu f’Malta minn Sqallija mal-45,000 passiġġier, filwaqt li l-istess ammont ta’ nies qasmu lejn Malta bil-baħar. Filwaqt li l-maġġoranza tat-turisti li użaw dawn is-servizzi kienu Taljani u Sqallin, kien hemm ukoll nazzjonalitajiet oħra fosthom turisti Ingliżi, Amerikani u Russi kif ukoll mil-Lvant tal-Ewropa.
Il-Ministru għat-Turiżmu żied jgħid li minkejja ċ-ċokon ta’ Malta, is-suq minn u lejn Sqallija huwa wieħed mill-aktar importanti għal pajjiżna fejn jidħol l-ivvjaġġar, b’ammont dejjem jikber ta’ Maltin li jagħżlu li jżuru Sqallija għal btajjel qosra kif ukoll għal turisti li jmorru Sqallija waqt il-btala tagħhom f’Malta.
Dan is-servizz ġdid bil-baħar huwa mmirat sew għall-passiġġieri li jixtiequ jivvjaġġaw lejn Sqallija kif ukoll għall-użu ta’ trasport ta’ merkanzija.
Il-bastiment MV Audacia huwa twil 199m, jesa’ mal-500 passiġġier u kapaċi jġorr mal-165 trailer tal-merkanzija. Il-bastiment huwa mgħammar b’65 kabina u 265 sodda u kapaċi jbaħħar b’veloċità massima ta’ 25 knot fis-siegħa.
Stqarrijiet Oħra:
PR262030
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Is-saħħa mentali u l...
PR262029