SUQ TAL-BDIEWA FIL-LOKALITÀ TAL-BIRGU
Is-Segretarjat Parlamentari għall-Biedja, Sajd u Drittijiet tal-Annimali wasal fi ftehim mal-Kunsill Lokali tal-Birgu sabiex jinfetaħ Suq tal-Bdiewa (Farmers’ Market) ieħor bħalma hemm diġà f’Ta’ Qali.
Hija x-xewqa tal-Kunsill Lokali tal-Birgu u tas-Segretarjat resposabbli għall-Biedja illi dan is-suq jibda jittella’ kull nhar ta’ Sibt (eskluż festi pubbliċi) mis-sebgħa tà filgħodu (7am) sa nofsinhar (12pm) f’parti minn Triq it-Torri ta’ San Ġwann.
Kull min huwa interessat li japplika jrid ikun bidwi full time jew part time. Biex wieħed ikun eliġibbli, il-bidwi għandu jbiegħ biss il-prodotti mkabbrin lokalment skont l-Avviż Legali 54/2011.
Biex wieħed jikkwalifika għall-permess għandu jiġbor l-applikazzjoni mill-uffiċċju tal-Farmers’ Market il-Pitkalija u jippreżenta dawn id-dokumenti:
1. Fotokopja tal-karta tal-identità tad-ditentur
2. Fotokopja tal-karta tal-identità tas-sostitut
3. Fotokopja tal-karta tal-identità ta’ kull assistent
4. Ċertifikat tal-Kondotta tal-Pulizija
5. Ċertifikat tal-immaniġġjar tal-ikel
6. Fotokopja taċ-ċertifikat tal-VAT
7. Fotokopja/i tal-log books tal-vettura/i
8. Formola mil-ETC fejn id-ditentur u s-sostitut huma bdiewa full time jew part time
9. Numru tal-Pjanti tal-I.A.C.S. tar-rabà li qiegħed jaħdem
10. Numru Pjanti tal-I.A.C.S. tar-rabà li qiegħed jaħdem, imma raba’ mhux tiegħu
F’każ li bidwi kien diġà issottometta l-applikazzjoni għal xi suq ieħor għandu jerġa’ japplika. Filwaqt li dawk il-bdiewa li għandhom permess biex joperaw posta mis-Suq tal-Bdiewa ta’ Ta’ Qali, m’humiex eliġibbli li japplikaw.
Is-Segretarjat Parlamentari resposabbli għall-Biedja, flimkien mall-Kunsill Lokali, huma impenjati biex dan is-Suq ikun suċċess u jibda jopera fl-iqsar żmien possibbli, sabiex minnu jgawdi l-bidwi, il-komsumatur tal-lokal, kif ukoll tal-madwar.
L-applikazzjonijiet għandhom jaslu fl-Uffiċċju tal-Farmers’ Markets fil-Pitkalija f’Ta’ Qali, indirizzati lis-Sur Joseph Zammit, sa’ mhux aktar tard mill-Ġimgħa, 19 ta’ Lulju , 2013.
Għal aktar informazzjoni wieħed għandu jċempel 22926124.
Stqarrijiet Oħra:
PR262030
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Is-saħħa mentali u l...
PR262029