IS-SEGRETARJU PARLAMENTARI BUONTEMPO F’DIBATTITU BEJN IŻ-ŻGĦAŻAGĦ U DAWK LI JFASSLU L-POLITIKA
Is-Segretarju Parlamentari għar-Riċerka u l-Innovazzjoni, iż-Żgħażagħ u l-Isport, l-Onor. Stefan Buontempo, attenda għal dibattitu li sar bħala parti minn proġett maħsub biex jiffaċilita d-djalogu bejn iż-żgħażagħ u dawk li jfasslu l-politika.
L-idea wara l-proġett, li jismu ‘3D – Discuss, Debate and Decide’, hi li jinħoloq forum fejn iż-żgħażagħ ikunu jistgħu jiddiskutu kwistjonijiet li jolqtuhom mill-qrib. Barra minn hekk, il-proġett iservi bħala forum konsultattiv li jiġbed l-istess ħabel tal-proċess ta’ djalogu strutturat li jagħmel parti mill-Qafas Imġedded għall-Koperazzjoni Ewropea fil-Qasam taż-Żgħażagħ.
Dr. Buontempo qal li inizjattivi bħal dawn jagħtu opportunità liż-żgħażagħ biex issemmgħu leħinhom u jressqu ’l quddiem l-ideat u l-opinjonijiet tagħhom. Huwa wiegħed li dawn se jiġu evalwati bir-reqqa u li se jingħata kas tagħhom fit-tfassil tal-Politika Nazzjonali taż-Żgħażagħ il-ġdida.
It-temi diskussi f’dan id-dibattitu, li ntgħażlu miż-żgħażagħ infushom, kienu: il-leġiżlazzjoni dwar id-droga, il-vot liż-żgħażagħ ta’ sittax-il sena, it-tagħlim tar-reliġjon fl-iskejjel pubbliċi, is-servizz komunitarju obbligatorju, l-edukazzjoni obbligatorja sa tmintax-il sena għal kulħadd, u ż-żwieġ bejn persuni tal-istess sess.
Dan il-progrett kien ikkofinanzjat mill-programm ‘Żgħażagħ fl-Azzjoni’ tal-UE, u sar fil-Youth Hub ta’ Santa Venera.
Stqarrijiet Oħra:
PR262030
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Is-saħħa mentali u l...
PR262029