L-ONOR. EDWARD ZAMMIT LEWIS JIFTAĦ IL-“MICROSOFT ICT CAREER DAYS”: IĦAJJAR IKTAR TFALJIET SABIEX JIDĦLU FL-INDUSTRIJA TAL-ICT
Dalgħodu l-Onor. Zammit Lewis fetaħ il-“Microsoft ICT Career Days” ġewwa Microsoft Innovation Centre - Sky Parks, Luqa.
Fid-diskors tiegħu, l-Onor. Zammit Lewis spjega li dan il-gvern jemmen li l-ICT għandu rwol ċentrali li jista’ jwassal għat-tkabbir ta’ ħafna setturi tal-ekonomija Maltija permezz ta’ innovazzjoni fi proċessi, prodotti u servizzi differenti.
Dan il-gvern jemmen li l-ICT, peress li jifrex l-abbiltà tiegħu biex jorbot l-aspetti soċjali, ix-xjenza u t-teknoloġija jista’ jaġixxi bħala pjattaforma biex jattira studenti nisa lejn suġġetti tax-xjenza. Fil-fatt l-ICT huwa wieħed mill-għodod ewlenin f'oqsma ta' xjenza, teknoloġija, xjenza tal-computers, l-inġinerija u l-matematika.
Is-Segretarju Parlamentari kompla jispjega li għal industrija li tikkontribwixxi medja ta’ 5% fil-Prodott Gross Domestiku nazzjonali, wieħed mill-ogħla fl-UE, u li teskludi setturi oħra relatati mill-qrib bħall-iGaming dan jgħinna sabiex ninkoraġġixxu iktar żgħażagħ jidħlu f'dawn l-oqsma u jkomplu jispeċjalizzaw fl-istudji tagħhom ICT. “Għalhekk jeħtieġ li apparti milli nsibu modi biex nagħmlu l-ICT aktar attraenti għall-istudenti żgħażagħ tagħna, irridu nkomplu nħeġġu lit-tfaljiet jidħlu f’din l-industrija. Inħeġġeġ ukoll lill-istudenti tal-ICT tagħna sabiex jkompli jistudjaw f'livelli ogħla inkluż fil-Master u Dottorat.” Dan speċjalment fid-dawl li l-industrija lokali tal-ICT qegħda f’sitwazzjoni fejn għandha bżonn iktar gradwati fl-ICT fil-livell ta’ Degree ‘il fuq, iżda sfortunatament uħud mill-istudenti jieqfu jistudjaw fil-livelli ta’ diploma, fejn kuntant ikunu l-bogħod biss sena sabiex jakkwistaw Degree.
Zammit Lewis saħaq li rridu napprezzaw li sabiex il-kumpaniji tagħna joħolqu prodotti innovattivi hemm bżonn ħiliet partikulari u ħafna drabi avvanzati. Dan il-Gvern se jkun qed jappoġġja politika favur it-tisħiħ tal-ħiliet tal-ICT sabiex l-istudenti jsegwu korsijiet kemm akkademiċi u tekniċi fl-istuzzjonijiet privati u pubblici ta’ pajjiżna u anke barra minn xtutna. Dan se jgħinna sabiex inkomplu nżidu l-kompetittività tagħna u l-kompetenza fit-teknoloġiji u dixxiplini tal-ICT.
Stqarrijiet Oħra:
PR262030
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Is-saħħa mentali u l...
PR262029