DISKORS MILL-ONOR. CHRIS CARDONA, MINISTRU GĦALL-EKONOMIJA, INVESTIMENT U INTRAPRIŻI ŻGĦAR, MATUL L-INAWGURAZZJONI TAL-FERGĦA BANIF BANK MALTA FIS-SIĠĠIEWI
Sur Joaquim F.Silva Pinto
Dr Michael Frendo
Sinjuri,
Huwa ta’ sodisfazzjon għalija li nkun hawn magħkom biex nimmarkaw suċċess ieħor ta’ Banif Bank Malta u tas-settur finanzjarju ta’ pajjiżna.
Banif Bank Malta issa ilu diversi snin jopera f’Malta u stabilixxa network ta’ għaxar fergħat, bl-aħħar wieħed ikun propju dan li qegħdin ninawguraw illum fis-Siġġiewi.
Din il-fergħa fis-Siġġiewi se tkun segwita mill-inawgurazzjoni ta’ żewġ fergħat oħra fi żmien li ġej. Dan ifisser aktar investiment fir-riżorsi umani, fl-infrastruttura u fis-servizzi li għandhom iwasslu għal kontribuzzjoni akbar fl-ekonomija.
Minn hawn, f’isem il-Gvern Malti, irid nesprimi s-sens ta’ sodisfazzjon u l-gratitudni għal fiduċja li dan il-Bank konsistentament qed juri fl-Ekonomija Maltija.
Min-naħa tagħna, bħala Gvern, qed nikkomettu ruħna li nibqu nkunu ta’ sostenn u dan billi fost l-oħrajn naraw li kemm huwa possibli tkun evitata l-burokrazija żejda, li tafu kemm jaf tkun ta’ xkiel anke fil-ftuħ ta’ fergħa bħal din li ninsabu fiha illum.
Il-Politika ta’ dan il-Gvern għas-settur finanzjarju hija waħda ċara.
L-intenzjoni hija dik li nżommu dan ir-ritmu u nibnu fuq is-suċċess li nkiseb matul is-snin. Dan huwa dovut ukoll għal politika matura ta’ konsensus li kienet adotatta f’dan is-settur.
Matul is-snin Malta kisbet reputazzjoni tajba ħafna, tant li spiċċajna wkoll inġustament fil-mira tal-kompetituri tagħna b’xebħ ma’ ġurisdizzjonijiet li effitivament ma jistux ikunu mqabbla magħna kif kien ikkonfermat mill-Fond Monetarju Internazzjonali (IMF).
Illum hemm għarfien internazzjonali li l-qafas legali Malti jipprovdi sigurta’, stabilita’, supervizjoni prudenti, ħarsien lil konsumaturi, sorveljanza tas-suq u prevenzjoni ta’ ħasil ta’ flus.
Dan il-Gvern se jara li l-Malta Financial Services Authority (MFSA) tibqa tisaħħaħ fil-funzjoni tagħha ta’ regolatur u tibqa ffukata, dinamika u proattiva.
Qed naċċertaw ukoll illi Finance Malta tibqa f’pożizzjoni li tippromwovi lil Malta bħala ġurisdizzjoni ideali għall-investiment barrani f’dan il-qasam ‘first choice jurisdiction’.
Dan is-settur fl-aħħar snin baqa jikber konsistentament b’medja ta’ 25% u qed jikkontribwixxi sa 12% tal-Prodott Domestiku Gross ta’ Malta, li jinkludi kontribuzzjonijiet diretti u indiretti.
Dan it-tkabbir fis-settur finanzjarju jistgħa jkun sostnut bl-infrastruttura neċessarja.
Bħalissa hawn mal-10,000 persuna impjegata fis-settur u huwa imperattiv li aktar studenti jibqu jkunu attirati lejn dawk il-korsijiet li jwassluhom għal karriera fil-qasam tas-servizzi finanzjarji.
Għal dan il-għan diġa għaddejja ħidma mal-Ministru tal-Edukazzjoni kif ukoll mal-istituzzjonijiet edukattivi biex ikun assigurat li pajjiżna jkollu t-talent neċessarju u l-ħiliet adattati biex l-akbar ammont ta’ persuni jkunu f’pozizzjoni li jieħdu l-opportunitajiet li jkun qed joffri s-suq.
Banif Bank Malta stabilixxa wkoll ruħu bħala protagonist anke fil-ħolqien ta’ opportunitajiet għal Maltin. Minn 29 impjegat lura f’Jannar tal-2008, illum dan il-Bank qed jimpjega 160 persuna filwaqt li jinvesti sostanzjalment fit-taħriġ tal-impjegati tiegħu.
Fl-istess waqt bdejna mill-ewwel naħdmu bis-sħiħ biex nilħqu l-oġġettiv aħħari tagħna li jkollna tkabbir ekonomiku li jilħaq lil kulħadd.
Diġa qed jintbgħatu sinjali pożittivi tal-potenzjal li joffri pajjiżna.
Diga qed naraw tkabbir ekonomiku pożittiv. U dan rridu nkomplu insaħħuħ.
Nedejna l-Global Residence Scheme biex biha persuni barranin li jaffordjaw jixtru propjeta ta’ valur għoli jingħataw permess ta’ residenza f’Malta.
Dan se jgħin biex diversi setturi tal-ekonomija, fosthom is-settur finanzjarju, jingħataw spinta ‘il quddiem.
Ħriġna sejħa għall-interess fl-iżvilupp tal-eks-shipbuilding bħala parti mill-istrateġija tagħna li nagħmlu minn Malta hub marittimu ta’ l-aqwa kwalita fil-Mediterran.
Qed nirriformaw l-Awtorita’ tal-Ippjanar biex tkun verament tirrifletti l-ħtiġijiet ta’ pajjiż bi żvilupp sostenibbli filwaqt li jitħares l-ambjent, fejn diġa naqqasna t-tariffi tal-MEPA.
Ħriġna sejħa għall-interess biex jigi żviluppat cruise terminal f’Għawdex, biex nagħtu spinta lill-Ekonomija f’Għawdex biex jinħolqu impjiegi f’Għawdex stess għall-Għawdxin.
Dawn huma lkoll miżuri li jistimulaw l-ekonomija, li jerġgħu jqajmu n-negozju, li jinċentivaw il-ħolqien tal-impjiegi u li jgħinu fit-tkattir ta’ klima li tagħti serħan il-moħħ u tattira lil min irid jinvesti, Malti u barrani.
Sinjuri,
Banif Bank Malta kien suċċess kbir u għandu quddiemu prospetti sbieħ.
Dan il-Bank huwa sħubija pozittiva bejn Investituri Maltin u kompetenza barranija.
Il-Bank jibqa’ fuq traġettorja ta’ tkabbir, igawdi minn profitabilita’, jimpjega numru sostanzjali ta’ persuni, jiżvillupa prodotti għas-suq Malti, iħaddan teknoloġiji nnovattivi u jippjana għal futur.
Dan kollu jibgħat messaġġ li Malta tilqa’ investituri li joħolqu opportunitajiet ta’ impjiegi, għandha settur finanzjarju vivaċi u hija gzira favur l-investituri.
Bħala Ministru responsabli mill-Ekonomija, irrid nirriafferma l-open door policy tal-Gvern u nwiegħed li nkun aċċessibli għalikom ħalli naħdmu flimkien biex nagħmlu minn Malta ċentru ta’ eċċellenza fis-settur finanzjarju.
Nawgura lil Banif Bank Malta aktar suċċess.
Grazzi.
Other Press Releases:
PR262030
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Is-saħħa mentali u l...
PR262029