Left arrow Go Back

STQARRIJA KONĠUNTA BEJN IL-MINISTERU TAL-INTERN U S-SIGURTÀ NAZZJONALI, IL-MINISTERU GĦALL-FAMILJA U S-SOLIDARJETÀ SOĊJALI U S-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦALL-ĠUSTIZZJA

pr1429
Date Icon 04/07/2013

Illum sar l-ewwel seminar bl-isem ‘Perspectives of the Legal System and Drug Addiction Recovery. Suggestions and Way Forward’. Is-seminar sar bil-parteċipazzjoni tal-Ministru tal-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Manuel Mallia, il-Ministru għall-Familja u s-Solidarjetà Soċjali Marie Louise Coleiro Preca u s-Segretarju Parlamentari għall-Ġustizzja Owen Bonnici. Għal dan is-seminar attendew rappreżentati mill-ġudikatura, avukati, rappreżentanti mill-Ħabs, mill-Pulizija u diversi aġenziji li jaħdmu fil-prevenzjoni, kura u rijabilitazzjoni tad-droga fosthom il-Caritas, Sedqa u Oasi. Is-seminar sar bl-għan li jitjieb il-qafas legali u t’infurzar f’dak li jirrigwarda reati marbutin mad-droga u kif persuni li jużaw id-droga jistgħu jegħlbu dan il-vizzju u jirrijabilitaw ruħhom fis-soċjetà.

Waqt dan is-seminar il-Ministru tal-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali, l-Onor. Manuel Mallia saħaq fuq l-irwol importanti li għandhom il-Pulizija, is-Servizzi tas-Sigurtà, il-Forzi Armati u l-Faċilità Korretiva ta’ Kordin fil-ġlieda kontra d-droga.

Manuel Mallia qal li hu inaċċettabli li fil-Ħabs jidħol priġunier mingħajr l-problema tad-droga u joħroġ b’din il-problema. Dan juri l-falliment tar-rijabilitazzjoni, qal il-Ministru Mallia.

Il-Ministru Mallia ħabbar li hu ordna li l-urine tests sabiex jiġi ttestjat jekk persuna ma jkunx ħa d-droga, issir mhux biss lill-priġunieri imma anke lill-istaff li jaħdem fil-Faċilità Korretiva ta’ Kordin.

Il-Ministru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali l-Onor. Marie-Louise Coleiro Preca, responsabbli minn dan il-qasam, tkellmet dwar l-importanza li nħarsu lejn il-vizzju tad-droga b’mod ħolistiku.

Għalhekk li qalet li l-ġlieda kontra l-abbuż mid-droga għandha ssir flimkien, bi sforz konġunt, anke mal-ghaqdiet mhux governattivi.

Għamlet referenza għall-politika nazzjonali dwar id-droga li ilha li saret mill-2008 u li qatt ma ġiet riveduta, u qalet li l-Gvern se jkun qiegħed jirrevedi din il-politika sal-aħħar ta’ din is-sena.

Ħabbret ukoll li l-Akkademdja Reitox fi ħdan il-European Monitoring Centre for Drugs and Drug Addiction se tkun qed torganizza programm ta’ taħriġ fl-10 t’Ottubru li ġej għall-professjonisti Maltin u barranin f’dan il-qasam.

Waqt is-seminar tqajmu diversi punti minn dawk preżenti fosthom il-fatt li s’issa s-sistema tal-parole ma ħadmitx għaliex minkejja li għaddiet il-liġi, m’hemmx biżżejjed riżorsi biex isir assesjar tal-persuni li jidħlu fil-Faċilità Korretiva. Kien hemm min issuġġerixxa li jsir direttorju tal-aġenziji kollha li jaħdmu fil-qasam tad-droga.

Is-Segretarju Parlamentari għal Ġustizzja Owen Bonnici sostna li għandu jkun hemm distinzjoni bejn dawk li jagħmlu użu personali tad-droga u għalhekk huma vittmi ġenwini u bejn dawk li huma traffikanti. Huwa qal li l-każ ta’ dawk li jagħmlu użu personali għandu jkun trattat differenti għaliex essenzjalment il-vittmi ġenwini għandhom ħtieġa ta’ għajnuna soċjali u medika iktar minn kull ħaġa oħra.

Huwa semma ix-xogħol li qed tagħmel il-Kummissjoni għal Riforma Ħolistika fil-Qasam tal-Ġustizzja fejn fl-Ewwel Dokument għall-Konsultazzjoni Pubblika tat is-suġġerimenti tagħha għal titjib f’dan il-kamp.

Dott Bonnici rrefera għall-fatt li l-bżonn li l-liġi tad-droga tiġi mtejba biex tgħin iktar lill-vittmi ġenwini qed jinħass u ilu jinħass. Huwa semma ukoll kif id-dewmien fil-Qrati jikkawża tbatija u inġustizzja ma’ min jirnexxielu jirriforma ruħu u għalhekk l-idea ta’ Qorti tad-Droga tgħin biex jitjieb dan is-settur.

Waqt id-diskussjoni tqanqlet ukoll il-problema li jaffaċċjaw ruħhom magħha persuni li jkunu fiequ mill-problema tad-droga u jipprovaw isibu xogħol, speċjalment minħabba li f’ħafna postijiet tax-xogħol tintalab il-kondotta tal-pulizija. L-idea ta’ qorti li tkun iffukata biss fuq id-drogi ntlaqgħet tajjeb. Kelliem għas-Sedqa qal li s-sena li għaddiet ġew introdotti sebgħin sustanza ġdida ta’ droga fl-Ewropa li għadhom mhumiex illegali u jistgħu jinxtraw faċilment minn fuq l-internet.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT  Is-saħħa mentali u l-benesseri fil-qalba tal-edukazzjoni – Il-Ministru Byron Camilleri jindirizza l-konferenza nazzjonali EduVoices 2026

PR262030

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Is-saħħa mentali u l...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA   Fi tmiem il-ġimgħa se jsiru l-pagamenti tal-iskemi tal-anomaliji għall-2026

PR262029

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA Fi tmiem il-ġ...

More Press Releases Right arrow