Left arrow Mur Lura

“GĦAL KWALITÀ TA’ ĦAJJA AĦJAR L-AMBJENT U L-IŻVILUPP JRIDU JAĦDMU ID F’ID” - IL-MINISTRU LEO BRINCAT F’LAQGĦA MAL-ASSOĊJAZZJONI TAL-IŻVILUPPATURI MALTIN

pr1426
Date Icon 04/07/2013

F’laqgħa li kellu mal-ogħla uffiċjali tal-Assoċjażżjoni tal-Iżviluppaturi Maltin, l-MDA fuq talba tagħhom stess il-Ministru għall-Iżvilupp Sostenibbli, l-Ambjent u t-Tibdil fil-Klima Leo Brincat qal li l-għanijiet u li l-miri tal-Ministeru tiegħu huma l-istess miri mniżżla fil-Manifest Elettorali ta’ dan il-Gvern.

Primarjament li :

• Malta għandha tkun minn ta’ quddiem nett fl-istandards ambjentali. Dan mhux biss għax hemm obbligi mid-Direttivi Ewropej, jżda għax hekk jixraq lill-uliedna.

• Li jkollna ambjent aħjar li jwassal għall-ħajja aħjar u ta’ kwalità

• Li naħdmu b’impenn biex ma nibqgħux fost l-agħar fl-Unjoni Ewropea f’oqsma bħall-emissjonijiet fl-arja, l-enerġija alternattiva, l-immaniġġjar tal-iskart u kif ukoll f’miri oħra tal-Istrateġija Ewropea 2020.

Il-Ministru Brincat qal li għalkemm hemm diversi deċiżjonijiet diffiċli li jridu jittieħdu, fosthom ir-riforma mill-qiegħ tal-MEPA, il-manifest elettorali tal-Gvern jagħmilha ċara li dan il-pass se jittieħed fl-interess ambjentali ta’ pajjiżna, biex inkunu f’pożiżżjoni aħjar li nindirizzaw l-isfidi li għandna.

Huwa qal li bħala Ministru għall-Iżvilupp Sostenibbli ma jistax ikun kontra l-iżvilupp kif jixtiequ uħud, sakemm dan isir f’mod verament sostenibbli u strutturat.

Qal li jemmen li l-Assoċjazzjoni tal-Iżviluppaturi Maltin għandha funzjoni importanti x’taqdi u lest li jiddjaloga magħha kemm hemm bżonn, dejjem b’wieħed iżomm f’moħħu l-obbligi li l-Ministeru tiegħu għandu skont il-manifest elettorali tal-Gvern innifsu.

Il-Ministru Brincat qal li jieħu pjaċir jinnota li fil-laqgħat tal-Kunsill Ewropew dwar l-Ambjent il-kwistjoni tal-kwalità tal-arja dejjem tinsab tielgħa ’l fuq tal-aġenda Ewropeja. L-istess jista’ jintqal għall-kwistjoni tal-bijodiversità, li fiha nnifisha tolqot l-aspetti kollha tal-ħajja u tal-eko-sistemi tagħna. Dan se jsir f’laqgħa fi ftit tal-jiem oħra fil-Litwanja.

Huwa qal li l-kunċett ta’ spatial planning fuq l-art, illum fl-Unjoni Ewropea qed jinfirex ukoll fuq livell marittimu.

Kompla li  jinsab konvint li b’ippjanar xieraq dawk involuti fil-qasam tal-kostruzzjoni għandhom sehem pożittiv x’jagħtu, speċjalment jekk jimpenjaw ruħhom dejjem aktar biex jitnaqqas l-effett negattiv fuq it-tniġġiż fl-arja u t-tniġġiż ikkawżat mill-ħsejjes, li t-tnejn hemm bżonn li jiġu indirizzati biex ikollna kwalità ta’ ħajja aħjar.

Il-Ministru Leo Brincat qal li huwa jifhem ix-xewqa tal-Assoċjazzjoni tal-Iżviluppaturi Maltin li tiġi diskussa miegħu l-politika tal-Unjoni Ewropea dwar il-klima u l-enerġija, għaliex illum hemm enfażi qawwija kemm fuq enerġija nadifa, effiċjenza fl-użu tal-enerġija u anke xejriet ġodda marbutin mar-riċiklar u r-resource management speċjalment ta’ skart li ġej mill-qasam tal-kostruzzjoni.

Qal li billi l-Assoċjazzjoni xtaqet tkun taf aktar fuq il-pożizzjoni ta’ Malta dwar it-tibdil fil-klima, huwa tenna li Malta ser tara li dawk l-oqsma li ġew indirizzati fl-istrateġija nazzjonali dwar l-adattament għat-tibdil fil-klima, jissarfu fi pjani ta’ azzjoni. B’mod partikulari fil-każ ta’ dawk li jistgħu jkunu marbutin ma’ setturi kruċjali tal-ekonomija Maltija. Biex dan jirnexxi hemm impenn minn naħa tal-Gvern li jkun hemm ħidma bejn il-Ministeri kollha involuti.

Il-Gvern jemmen li s-sena 2015 sejra tkun kruċjali għall-qasam tat-tibdil fil-klima. Se tkun sena fejn Summit li se jsir f’Pariġi ser ikun qiegħed jindika t-triq li dan il-qasam kruċjali se jkun qed jieħu għall-ġejjieni.

Il-Gvern Malti riċentament fil-Lussemburgu, waqt laqgħa tal-Kunsill tal-Ministri tal-Ambjent, laqa’ referenzi speċifiċi li saru għall-vulnerabilità ta’ gżejjer żgħar u tar-reġjun tal-Mediterran u għal realtajiet speċifiċi u differenti ta’ kull stat membru, li għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni f’ inizjattivi għall-adattament tat-tibdil fil-klima.

Fuq l-iżvilupp sostenibbli huwa qal li ma jaqbilx ma’ min jaħseb li dan huwa marbut biss mal-qasam importanti tal-ippjanar. Il-Ġnus Magħquda ilha li għamlitha ċara li dan huwa siġġu b’erba’ saqajn – b’dimensjoni ekonomika, ambjentali, soċjali u kulturali.

Huwa qal li llum li jeżistu l-istrutturi f’pajjiżna għall-iżvilupp sostenibbli permezz ta’ liġi li għaddiet fis-Sajf 2012, hemm bżonn li dawn jingħataw is-saħħa li jixirqilhom, speċjalment billi l-amministrazzjoni preċedenti ma kienetx ivvotat ebda fondi għal dan il-għan.

Il-Ministru Brincat talab lill-Assoċjazzjoni biex iżżommu aġġornat bil-proposti u l-policies tagħhom għaliex jemmen li l-konsultazzjoni hija ċ-ċavetta ta’ kollox.

B’mod partikulari ħeġġiġhom biex jilqgħu l-istedina biex jagħtu l-ideat tagħhom għall-Issues Paper, li ħarġet aktar kmieni din il-ġimgħa, dwar it-tfassil tal-pjan għall-immaniġġjar sostenibbli tal-iskart li pajjiżna għandu jressaq quddiem l-Unjoni Ewropea sa tmiem din is-sena.  Dan speċjalment wara li mal-Unjoni Ewropea rriżulta li pajjiżna waqa’ lura sew f’dan il-qasam.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT  Is-saħħa mentali u l-benesseri fil-qalba tal-edukazzjoni – Il-Ministru Byron Camilleri jindirizza l-konferenza nazzjonali EduVoices 2026

PR262030

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Is-saħħa mentali u l...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA   Fi tmiem il-ġimgħa se jsiru l-pagamenti tal-iskemi tal-anomaliji għall-2026

PR262029

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA Fi tmiem il-ġ...

Aktar Stqarrijiet Right arrow