STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TRASPORT U L-INFRASTRUTTURA
Dak li ma sarx fl-aħħar tmien snin tlesta f’60 jum - Il-Ministru għat-Trasport u l-Infrastruttura l-Onor. Joe Mizzi
Il-Ministru għat-Trasport u l-Infrastruttura l-Onor. Joe Mizzi, ħabbar li dak li ma sarx f’dawn l-aħħar tmien snin, fi Triq San Lawrenz, il-Birgu, tlesta f’60 jum, wara li l-Gvern ikkommetta ruħu biex jiżgura li r-residenti ta’ din it-triq ma jibqgħux ibatu minn inkonvenjenzi.
Dan huwa biss eżempju wieħed ta’ xogħol li qabad ir-rittmu sew taħt Gvern ġdid fl-ewwel mitt jum tiegħu.
F’konferenza tal-aħbarijiet f’April li għadda, il-Ministru kien ħabbar li minkejja li l-kuntratt kien ingħata, it-triq baqgħet qatt ma saret. Is-saga dwar din it-triq issemmiet kemm-il darba fil-Parlament. Fl-2005, kien intqal li mhux se jdum ma jinbeda x-xogħol, fl-2006 kien intqal li t-tender inħareġ u qed jiġi aġġudikat, fl-2007 kien intqal li t-triq se tiddaħħal fil-programm ta’ xogħlijiet li se jsiru dik is-sena, fl-2009 kien intqal li l-ADT lestiet is-servizzi u l-bażi meħtieġa u fl-2010, kien intqal li qed isiru l-arranġamenti biex jinbeda x-xogħol, liema xogħol ma beda qatt.
Agħar minn hekk, l-eks-Ministru Jesmond Mugliett, meta kien qed iwieġeb għadd ta’ mistoqsijiet supplimentari li kien ressaq Joe Mizzi fl-2005, kien qal li se jibda l-proġett ta’ pavimentar u sena wara, kien qal li l-ħsieb huwa li t-triq titlesta fl-2006.
Il-Ministru Joe Mizzi qal li mhux biss mhuwiex aċċettabli li x-xogħol idum ma jsir għal dawn is-snin kollha, iżda lanqas huwa aċċettabbli li l-pubbliku u r-residenti tħallew f’dawn l-inkonvenjenzi għal dawn is-snin kollha.
Fil-ġimgħat li għaddew sar monitoraġġ tax-xogħol biex ikun żgurat li jimxi skont id-dati maqbula. It-triq tkopri madwar 2,000 metru. Fil-fatt, ix-xogħol tħaffef u t-triq tlestiet f’60 ġurnata. Il-Ministru rringrazzja lill-ħaddiema u lil dawk kollha li taw sehemhom biex din it-triq issa hija pavimentata.
Il-Ministru Joe Mizzi temm jgħid li f’dawn l-aħħar 100 jum, sar xogħol infrastrutturali fuq mill-inqas 30 triq residenzjali.
Other Press Releases:
PR262030
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Is-saħħa mentali u l...
PR262029