Left arrow Mur Lura

KONFERENZA GĦALL-ISTAMPA MILL-PRIM MINISTRU, L-ONOR. JOSEPH MUSCAT DWAR L-IŻBARK TA’ IMMIGRANTI ILLEGALI LBIERAĦ

pr1424
Date Icon 04/07/2013

Malta se tieħu l-passi leġittimi fl-UE biex tħares l-interess nazzjonali

Il-Prim Ministru dalgħodu tkellem mal-President tal-Kunsill Ewropew Herman Van Rompuy fejn għaddielu avviż formali li Malta, iktar minn qatt qabel, se tkun qiegħda tuża l-metodi leġittimi kollha, dak kollu li jagħtuha s-setgħat formali fil-Kunsill Ewropew sabiex tesprimi n-nuqqas ta’ sodisfazzjon għall-mod kif l-Unjoni Ewropea qed tħalli pajjiżi bħal Malta, li qed jintlaqtu mill-fenomenu tal-immigrazzjoni waħedhom. Il-Gvern Malti se jkun qed jieħu l-passi kollha meħtieġa sabiex jipproteġi l-interess nazzjonali tal-pajjiż.

Il-Prim Ministru qal dan waqt konferenza għall-istampa f'Kastilja li matulha esprima t-tħassib tal-Gvern dwar l-iżbark ta’ 291 immigrant illegali li seħħ ilbieraħ filgħaxija. Preżenti għall-konferenza għall-istampa kien hemm il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Manuel Mallia li iktar tard ta’ rendikont tal-każ li seħħ.

Il-Prim Ministru qal li dan kien każ b’ċirkustanzi pjuttost eċċezzjonali fejn minn intelligence reportsħareġ li fost l-immigranti illegali kien hemm uħud li kienu feruti b’tiri ta’ arma tan-nar wara ċirkostanzi li seħħew fil-Libja u wkoll li dgħajsa li fuqha kien hemm l-immigranti illegali, kienet qiegħda tegħreq u fil-fatt għerqet ftit wara li l-immigranti ttieħdu abbord.

Il-politika tal-Gvern Malti hi waħda ta’ kumpassjoni ma’ min hu dgħajjef, iżda ta’ soda mal-politiċi.

Il-Prim Ministru ħabbar ukoll li l-President Van Rompuy se jkun qed jagħmel żjara f’Malta nhar il-Ħamis 11 ta’ Lulju u matul din iż-żjara, fost affarijiet oħra,  il-Gvern Malti se jkun qed jiddiskuti dan il-każ miegħu.

Ftit tal-ġimgħat ilu Malta astjeniet fil-vot li kellu x’jaqsam mal-kwistjoni tal-ażil. Il-Gvern Malti lest li jkompli jżomm din il-pożizzjoni fil-ġimgħat li ġejjin kemm-il darba ma jkun hemm l-ebda tip ta’ reazzjoni sodisfaċenti min-naħa tal-Unjoni Ewropea.

Il-Prim Ministru reġa saħaq li każ bħal dan ma jistax jitqies normalità u l-Gvern mexa b’kumpassjoni umanitarja ma’ persuni li jidher li kienu maħrubin u ġew sparati tiri fuqhom u qeda l-obbligi internazzjonali tiegħu peress li l-immigranti illegali kienu jinsabu l-iktar qrib tal-kosta ta’ Malta. Madankollu l-Gvern Malti se jkun qed jagħmel minn kollox biex jaqbeż għad-drittijiet tal-pajjiż u tal-poplu Malti li minkejja li hu poplu ħanin mhuwiex lest li joqgħod għal kollox. Jistenna li jara azzjoni konkreta mill-Unjoni Ewropea u solidarjetà mill-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea, bħalma intweriet solidarjetà f’ċirkustanzi oħra ma’ pajjiżi oħra.

Rendikont mogħti mill-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali

Matul il-lejl iddaħħlu grupp ta’ 291 immigrant illegali li jikkonsisti minn 243 raġel u 48 mara, matul operazzjoni ta’ salvataġġ permezz ta’ żewġ helicopters tal-AFM u l-Missjoni Militari Taljana. 4 irġiel u 3 nisa ttieħdu l-Isptar Mater Dei fejn tnejn minn dawn il-persuni kienu feruti b’arma tan-nar. Jidher li l-każ seħħ il-Libja u minn tagħrif inizzjali jidher li l-immigranti kienu qed jinżammu f’ċentru ta’ detenzjoni meta dawn ħarbu u sparaw fuqhom. Dawk li ma kellhomx evidenza ta’ feriti ta’ arma tan-nar ittieħdu l-isptar minħabba problemi fiżiċi waqt il-vjaġġ.

Minn intervisti li saru lill-144 immigrant irregolari, jidher li l-maġġoranza huma mill-Eritrea.

Sfond

L-ewwel informazzjoni waslet mill-Maritime Rescue Corp Coordination Centre ta’ Ruma. L-immigranti ntlemħu lbieraħ għall-ħabta tas-2.30pm fuq dgħajsa madwar 56 mil nawtiku Lbiċ mill-gżejjer Maltin fejn kienu interċettati mill-Forzi Armati ta’ Malta. Deher li kien hemm persuni feruti u għaldaqstant sar salvataġġ b’helicopter sabiex dawn in-nies jittieħdu l-isptar Mater Dei.

Jirriżulta li d-dgħajsa waqfilha l-mutur u bdiet tagħmel l-ilma u kien ċar li kien hemm bżonn li dawn il-persuni jiġu salvati mill-aspett umanitarju. Matul dawn l-aħħar snin kien hemm każ ieħor fejn l-għadd ta’ immigranti illegali kien viċin ta’ dak li ġie salvat ilbieraħ.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT  Is-saħħa mentali u l-benesseri fil-qalba tal-edukazzjoni – Il-Ministru Byron Camilleri jindirizza l-konferenza nazzjonali EduVoices 2026

PR262030

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Is-saħħa mentali u l...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA   Fi tmiem il-ġimgħa se jsiru l-pagamenti tal-iskemi tal-anomaliji għall-2026

PR262029

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA Fi tmiem il-ġ...

Aktar Stqarrijiet Right arrow