IL-PRESIDENT GEORGE ABELA JNIEDI IL-BALLU TAL-QAMAR T’AWWISSU 2013
“Dan huwa l-ħames u l-aħħar ballu li qed jiġi organizzat taħt din il-Presidenza fejn jien u marti Margaret għal darb’oħra se nerġgħu nospitawh fil-Palazz tal-Verdala. Dan il-ballu tal-Qamar t’Awwissu għandu storja li tmur lura ħafna snin imma mill-2009 sal-lum bi pjaċir ngħid li dan il-ballu rrdoppja l-introjtu tiegħu u dan sabiex ikompli jżid mad-dħul minn attivitajiet oħra li torganizza l-Malta Community Chest Fund matul is-sena” hekk qal il-President George Abela waqt li dalgħodu flimkien mas-Sinjura Abela nieda il-Ballu tal-Qamar t’Awwissu jew kif magħruf aktar
bħala The August Moon Ball!
Il-Markeżino Daniel De Petri Testaferrata, Ċermen tal-Ballu, rringrazzja lill-President u s-Sinjura Abela u lit-tim ta’ dan il-ballu li għal darb’oħra ġie afdat b’dan l-irwol. Il-Ballu se jsir fil-Palazz tal-Verdala fil-Buskett u din is-sena se jkun fit-tlieta t’Awwissu bil-booking jiftaħ illum għal dawk li jixtieq jkunu parti minn din is-serata memorabbli. Irringrazzja lil dawk kollha li jagħtu sapport lil din l-attività li tospità ‘l fuq minn elf ruħ. “Għal darb’oħra l-Island Caterers rebħu it-tender sabiex jieħdu ħsieb l-ikel u l-Marsovin bħas-snin li għaddew se jagħti l-inbid b’xejn. Il-prezz tal-ballu se jkun ta’ ħamsa u sittin ewro u wieħed li jixtieq jattendi jista’ jibbukkja online permezz tas-sit augustmoonball.com jew mill-Palazz il-Belt u l-Palazz ta’ Sant’Anton.” kompla jgħid iċ-Ċermen il-Markeżino Daniel De Petri Testaferrata.
Il-President George Abela spjega kif il-ħtiġijiet tan-nies kibru tant li l-Malta Community Chest Fund ma setatx tibqa’ tiddependi fuq żewġ attivitajiet biss : L-August Moon Ball u l-Istrina imma kellha xxammar il-kmiem u tagħmel sensiela ta’ attivitajiet matul is-sena kollha fostom, Ġonna mdawla, il-Festa taċ-ċitru, Rockestra, Mela darba fil-Kastell, il-Fun Run u ħafna aktar attivitajiet li bis-saħħa tal-ġenerożita ta’ kif jikkonkorri l-poplu jagħti is-saħħa lil dan il-fond sabiex jagħti dik l-għajnuna immedjata : b’mod speċjali lil dawk li jkollhom isiefru minħabba trattament. Il-Malta Community Chest Fund ma għenitx biss lil dawk li jkollhom bżonn it-trattament fl-Ingilterra, fejn hemm il-ftehim bejn il-gvern u dawn l-isptarijiet imma qed tgħin wkoll persuni li kellhom bżonn trattamenti l-Ġermanja, l-Amerka, l-Israel u anki Bolonja, fejn f’dawn il-każijiet, peress li ma hemmx ftehim bejn il-Gvern Malti u dawn il-pajjiżi, il-Malta Community Chest Fund ħallset l-ispejjeż kollha. Il-President Abela kompla jispjega li l-Malta Community Chest Fund tgħin ukoll finanzjarjament diversi għaqdiet bil-proġetti tagħhom. Illum l-MCCF għandha il-proġett tagħha, Kenn għal Saħħtek, residenza li se tieħu ħsieb lil dawk il-persuni li jbatu minn kundizzjoni ta’ eating disorder. Dan huwa servizz ta’ saħħa li ma kienx qed jingħata b’mod ħolistiku f’pajjiżna u sfortunatament dawn il-persuni jispiċċaw għall-kura fl-isptar Monte Karmeli. Dan il-proġett li se jkun bejn il-Gvern u l-Malta Community Chest Fund se jkun qed jilqa’ l-ewwel residenti lejn l-aħħar tas-sena. Il-Malta Community Chest Fund ħadet ħsieb li tirranġa d-dar li kienet fi stat dilapitat, mogħtija lilha mill-gvern u qiegħda l-Imtarfa. Il-Gvern se jkun qed joffri professjonisti li se jkunu qed jiġu mħarrġa permezz ta’ ftehim li sar ftit ġranet ilu bejn Malta u l-Italja u b’hekk dawn il-professjonisti se jkollhom l-opportunità jispeccjalizzaw f’dan il-qasam tal-eating disorders u jkunu jistgħu jagħtu servizz b’xejn lil min ibati b’din il-kundizzjoni fid-Dar Kenn għal Saħħtek.
Il-President George Abela rringrazzja lil dawk kollha li attendew għat-tnedija tal-Ballu u ħeġġeġ lil min se jattendi biex ma jħalliex għall-aħħar peress li dan il-Ballu jattira ħafna nies imma l-ispazju hu li hu u għandu limitu ta’ kemm jidħlu.
Għall-iktar informazzjoni wieħed jista’ jżur is-sit augustmoonball.com jew iċempel fuq 21226226
Other Press Releases:
PR262030
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Is-saħħa mentali u l...
PR262029