L-ONOR. EDWARD ZAMMIT LEWIS: “MALTA U L-AWSTRIJA F’TAĦDIDIET SABIEX JISSAĦĦU R-RELAZZJONIJIET KUMMERĊJALI BEJN IŻ-ŻEWĠ PAJJIŻI”
Fi żjara ta’ korteżija li kellu l-Onor. Dr. Edward Zammit Lewis mill-Ambaxxatriċi għall-Awstrija f’Malta Dr. Maria Petra Schneebauer ġie diskuss kif jistgħu jisaħħu u jiżdiedu r-relazzjonijiet, speċjalment dawk kummerċjali bejn iż-żewġ pajjiżi.
L-Onor. Zammit Lewis sostna li l-istat Awstrijak qed jemmen f’iktar investiment f’pajjiżna billi llum hemm ‘il fuq minn 230 kumpanija rreġistrata f’Malta b’azzjonisti Awstrijaċi. Is-Segretarju Parlamentari semma ukoll li hawn numru tajjeb ta’ banek Awstrijaci li joperaw minn Malta.
Il-partijiet iddiskutew l-importanza ta’ setturi bħall-igaming u l-betting kif ukoll is-setturi tal-elettronika u l-farmaċewtika. Zammit Lewis saħaq li dawn l-industriji huma importanti ħafna għall-ekonomija ta’ Malta, fejn anke hawnhekk jeżisti investiment qawwi f’pajjizna mill-Awstrijaċi.
Il-partijiet qablu li għandhom jissaħħu r-relazzjonijiet bejn iż-żewġ pajjiżi biex jiżdied l-investiment f’pajjiżna u jiġu maħluqa iktar impjiegi ta’ kwalità.
Is-Segretarju Parlamenatri Zammit Lewis u Dr Schneebauer iddiskutew ukoll il-problema tal-imigrazzjoni rregolari li taffetwa liż-żewg pajjiżi. Għalkemm is-sitwazzjonijiet huma differenti, il-problemi huma simili. Iż-żewġ partijiet qablu li għandhom jikkoperaw iktar f’dan ir-rigward.
Iż-żewġ partijiet għamlu stedina reċiproka għal aktar kollaborazzjoni bejn iż-żewġ pajjiżi u jħarsu ‘il quddiem għal iktar kummerċ bejn iż-żewġ partijiet.
Other Press Releases:
PR262030
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Is-saħħa mentali u l...
PR262029