LAQGĦAT TA’ KONSULTAZZJONI DWAR L-ISTRATEĠIJA KONTRA L-FAQAR
Il-Ministeru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali se jkun qed jorganizza tminn laqgħat ta’ konsultazzjoni għall-pubbliku b’rabta mal-kampanja kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali, li tnediet mill-Ministru Marie-Louise Coleiro Preca nhar it-Tnejn 24 ta’ Ġunju.
F’dawn it-tminn laqgħat il-Gvern qed jistieden lill-għaqdiet tal-komunitajiet, għaqdiet mhux governattivi u s-soċjetà ċivili sabiex jaqsmu l-esperjenzi tagħhom u b’hekk l-istrateġija u finalment il-politika tal-Gvern dwar il-faqar, tkun dik riflessa fuq il-ħtiġijiet tan-nies.
Statistika inkwetanti turi kif fi ħdax-il sena l-faqar f’pajjiżna żdied bi kważi seba’ punti perċentwali fejn preżentament għandna 88,000 persuna fir-riskju tal-faqar u 25.8% tat-tfal Maltin u Għawdxin ukoll qed jgħixu fir-riskju tal-faqar.
Fid-dawl ta’ dan, il-Gvern iħoss l-urġenza sabiex jindirizza l-problema tal-faqar f’pajjiżna.
Il-laqgħat ta’ konsultazzjoni se jsiru matul ix-xahar ta’ Lulju u m’humiex miftuħa għall-membri tal-istampa.
Id-dati u d-dettalji tal-laqgħat huma kif ġej:
• Ħamis 4 ta’ Lulju – Marsa (Misraħ Giovanni F. Abela)
• Ġimgħa 5 ta’ Lulju – Bormla (Ġnien Santa Margerita)
• Ħamis 11 ta’ Lulju – Xgħajra (Dawret ix-Xatt)
• Ġimgħa 12 ta’ Lulju – Marsascala (Pjazza Mifsud Bonnici)
• Ħamis 18 ta’ Lulju – Valletta (Misraħ Mattia Preti)
• Ġimgħa 19 ta’ Lulju – Qawra (Triq il-Korazza)
• Ħamis 25 ta’ Lulju – Gżira (Triq ix-Xatt)
• Ġimgħa 26 ta’ Lulju – Marsalforn (Menqa)
Il-laqgħat se jsiru kollha fis-18:30 għajr għal wahda, dik ta’ Bormla li se ssir fis-19:30.
Marbuta mal-kampanja kontra l-faqar tnediet ukoll paġna fuq Facebook intitolata: Ningħaqdu kontra l-faqar, filwaqt li għal aktar informazzjoni tnieda l-indirizz elettroniku: antipoverty.mfss@gov.mt u n-numru tat-telefon 25903126.
Other Press Releases:
PR262030
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Is-saħħa mentali u l...
PR262029