IL-CORE GROUP TAL-MEUSAC JIDDISKUTI L-PAKKETT LEĠIŻLATTIV DWAR L-AJRU UNIKU EWROPEW 2+
Il-Ministru għad-Djalogu Soċjali, l-Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili, Dr Helena Dalli, qalet li l-pakkett leġiżlattiv dwar l-Ajru Uniku Ewropew 2+ għandha tkun l-inizjattiva Ewropea li tifforma l-arkitettura tal-kontroll tat-traffiku tal-ajru Ewropew sabiex jiġu sodisfatti l-bżonnijiet ta’ kompetenza u sikurezza fil-futur. Il-Ministru Dalli kienet qed tippresjedi l-laqgħa tal-Core Group tal-MEUSAC li saret dalgħodu.
Il-Ministru Dalli spjegat kif il-Kummissjoni Ewropea qed tipproponi li taġġorna r-regoli tal-UE dwar il-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru. Qalet li dan se jissarraf fost l-oħrajn f’titjib tal-kontroll tat-traffiku tal-ajru, it-tbassir tat-temp, is-superviżjoni ta’ servizzi ta’ navigazzjoni bl-ajru, u l-attenzjoni fuq il-klijent. Permezz ta’ din il-proposta, il-Ministru Dalli qalet li se jibbenefikaw il-passiġġieri għax se jitbaxxewlhom l-ispejjeż, il-linji tal-ajru se jagħmlu iktar qligħ, filwaqt li huwa previst li r-rotot ikunu iqsar tant li se jkunu jfissru inqas emissjonijiet ta’ gassijiet ħżiena, kif ukoll tkabbir ekonomiku fl-UE. Sostniet li l-mira tal-Kummissjoni Ewropea hi li dawn il proposti jidħlu fis-seħħ sal-aħħar tal-2014.
Fi preżentazzjoni li saret minn Lucienne Meilak, Direttur għall-Affarijiet Ewropej fil-Ministeru għall-Infrastruttura u t-Trasport, intqal li matul l-aħħar snin l-UE kienet qed turi tħassib dwar l-ispejjeż tal-ajru fuq il-konsumatur. Dan minbarra l-ammont kbir ta’ passiġġieri li jgħaddu mill-ispazju tal-ajru tal-pajjiżi tal-UE huwa konsiderevoli u mistenni jiżdied b’50% fi żmien 10-20 sena oħra. Bħalissa kull sena mat-800 miljun passiġġier jgħaddu mill-Ewropa f’iktar minn 440 ajruport. Kuljum isiru mas-27,000 titjira li jammontaw għal 9 miljuni fis-sena; 80% minnhom joperaw fl-UE.
Is-Sinjura Meilak spjegat li jekk jibqa’ ma jsir xejn is-sitwazzjoni tirriżulta f’kaos minħabba l-konġestjoni fit-traffiku tal-ajru li mistennija tinqala’ iktar ma jiżdiedu t-titjiriet fis-snin li ġejjin. Il-frammentazzjoni u l-ineffiċjenza huma l-problemi ewlenin tas-sistema attwali, spjegat is-Sinjura Meilak, li qalet ukoll li dawn kienu riflessi fl-ispejjeż għall-kumpaniji u l-valur tal-biljetti tal-ajru.
B’rabta ma’ Malta, is-Sinjura Meilak qalet li l-pajjiż qed jieħu sehem fl-hekk imsejħa Blue Med FAB flimkien mal-Italja, il-Greċja u Ċipru. F’Ottubru tal-2012 kien iffirmat ftehim bejn l-erba’ pajjiżi li għadu qed jiġi ratifikat. Fl-istess waqt l-erbgħa pajjiżi diġà bdew iħaddmu l-ftehim biex joperaw l-ispazju tal-ajru li jgħaqqadhom bil-għan li t-traffiku tal-ajru fir-reġjun ikun iktar effiċjenti, jinqatgħu l-ispejjeż u jitnaqqsu l-emissjonijiet.
Il-membri tal-Core Group qajjmu diversi punti fosthom dwar:
- l-impatt li se jkun hemm fuq Malta b’din il-proposta;
- kif se jintlaqtu l-impjiegi bit-tibdiliet proposti;
- il-ħtieġa li nagħtu iktar importanza lil dan is-settur minħabba li hemm potenzjal ekonomiku kbir;
- l-importanza li l-ispejjeż li se jiġu ffrankati jiġu riflessi fuq il-valur li s-soltu jħallas il-konsumatur; u
- il-bżonn li l-pajjiż jibqa’ sovran u jkollu ċertu kontroll fl-immaniġġjar tat-traffiku tal-ajru.
Permezz ta’ din il-laqgħa tal-Core Group, il-Gvern seta’ jisma’ l-veduti u s-suġġerimenti tal-membri li jirrappreżentaw diversi oqsma u setturi mis-soċjetà ċivili. Dan qabel ma jfassal il-pożizzjoni ta’ Malta dwar il-proposti tal-Kummissjoni Ewropea fuq il-pakkett leġiżlattiv dwar l-Ajru Uniku Ewropew 2+.
Other Press Releases:
PR262030
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Is-saħħa mentali u l...
PR262029