Left arrow Go Back

IS-SUĊĊESS TAL-MCAST U TAL-ISTUDENTI HUWA KRUĊJALI GĦAT-TWETTIEQ TAL-PJAN EKONOMIKU TAL-GVERN - IL-MINISTRU CHRIS CARDONA

pr1365
Date Icon 27/06/2013

Il-Ministru għall-Ekonomija, Investiment u Intrapriżi Żgħar, Dr. Chris Cardona fl-ewwel żjara uffiċjali tiegħu fl-MCAST iddikjara bl-aktar mod ċar li s-suċċess tal-MCAST u tal-istudenti huwa kruċjali għat-twettieq tal-pjan ekonomiku tal-Gvern.

“Għaldaqstant, kif qal anke l-Prim Minisitru, dan il-Gvern huwa kommess bis-sħiħ li jara li l-bini tal-Kampus il-ġdid ikun lest u li jkun ta’ livell li jissodisfa lil kull min se jużah.” Il-Ministru Cardona qal li sa mill-bidu tal-ħidma tiegħu għaraf il-ħtieġa li jkun hemm ħidma paralela bejn l-inizjattivi u l-proġetti intiżi li jwasslu għal tkabbir ekonomiku u l-edukazzjoni kemm fl-Università kif ukoll fl-MCAST.

Dr. Chris Cardona qal li diġà kellu laqgħat pożittivi ma’ l-ogħla uffiċjali tal-MCAST biex jaraw l-aħjar mod li jistgħu jaħdmu flimkien għall-gid tal-istudenti u tal-industrija lokali. Il-Ministru qal li “s-suċċess tan-negozju, tal-imprendituri u investituri lokali jiddependi ħafna fuq l-istudenti li qed jispiċċaw b’suċċess il-vjaġġ edukattiv postsekondarju”.

Permezz ta’ għadd ta’ inizzjattivi, l-MCAST qed jaħdem biex jinkoraġġixxi aktar studenti jtejbu l-ħiliet imprenditorjali tagħhom u jiżviluppaw negozji ġodda kemm waqt l-istudji kif ukoll meta jiggradwaw.

Dettalji dwar dawn l-inizzjattivi ngħataw il-Ħamis filgħodu, meta l-Onor. Ministru għall-Ekonomija, Investiment u Negozji Żgħar Dr. Chris Cardona ltaqa’ mal-istudenti u l-istaff li qed jieħdu sehem fl-MCAST Expo 2013, ħamest ijiem t’attivitajiet biex jintroduċu lill-pubbliku għall-opportunitajiet ta’ tagħlim u karrieri li joffri l-Kulleġġ.

Meta l-MCAST nieda l-programmi tal-lawrji (degrees) vokazzjonali ftit tas-snin ilu, mill-ewwel inħasset il-ħtieġa li l-gradwati ta’ dawn il-korsijiet ikunu armati bil-ħiliet imprenditorjali neċessarji biex ikunu jistgħu jagħrfu opportunitajiet ta’ negozju u b’mod kreattiv jiżviluppawhom f’nogozji ta’ suċċess. Permezz ta’ modules iffukati fuq l-imprenditorjat mgħallma minn lekċerers t’esperjenza f’dan il-qasam, l-istudenti tal-korsijiet tal-lawrja jitgħallmu dwar kif ifasslu u jiktbu pjan għal negozju ġdid, jitgħallmu dwar kif għandhom jikkonvinċu l-entitajiet konċernati biex jiksbu l-appoġġ meħtieġ, u dwar dak kollu li hu meħtieġ biex twaqqaf negozju.

Biex jipprovdi appoġġ personali lil studenti li jkunu interessati jibdew negozju ġdid, kull istitut tal-MCAST ħatar wieħed mill-impjegati tiegħu bħala entrepreneurship champion. Studenti li juru l-intenzjoni li jiżviluppaw l-ideat imprenditorjali tagħhom, jistgħu jikkuntattjaw lil dawn il-persuni, biex jinstabilhom lekċerer li għandu l-ħiliet tekniċi u l-esperjenzi meħtieġa fil-qasam konċernat ħalli jservi ta’ konsulent tagħhom. L-entrepreneurship champion jipprovdi wkoll lill-istudenti gwida dwar dak kollu meħtieġ biex jitwaqqaf negozju, u jgħinhom jiksbu aktar appoġġ kemm mill-iStudent Liaison Office tal-Kulleġġ kif ukoll mingħand Malta Enterprise. Il-Kulleġġ waqqaf ukoll Entrepreneurship Committee biex jieħu ħsieb dawn l-inizzjattivi, waqt li jintroduċi inizzjattivi oħrajn favur l-iżvilupp tal-potenzjal imprenditorjali tal-istudenti. F’isem l-MCAST, rappreżentant ta’ dan il-kumitat jifforma wkoll parti mill-Business Start-Up Committee ta’ Malta Enterprise.

Matul is-sena, l-MCAST jinkoraġġixxi wkoll lill-istudenti f’attivitajiet differenti biex jiksbu aktar esperjenza fl-imprenditorjat. Dan l-aħħar, pereżempju, grupp ta’ studenti mill-MCAST ikkompeta fl-ewwel edizzjoni ta’ Start Up Weekend, kompetizzjoni internazzjonali li fiha l-istudenti ngħaqdu ma’ imprendituri żgħażagħ oħrajn f’Malta fi sfida biex iwaqqfu kumpanija ġdida f’inqas minn 54 siegħa. L-istudenti tal-MCAST marru tajjeb ħafna f’din il-kompetizzjoni, fejn saħansitra rnexxielhom jirbħu wieħed mill-premjijiet.

Din is-sena, uħud mill-istituti tal-MCAST qed ukoll jirrikonoxxu studenti li jkunu wrew ħiliet imprenditorjali tajbin fl-istudji tagħhom. Waqt iż-żjara tiegħu nhar il-Ħamis, il-Ministru ippreżenta rikonoxximenti lil Robert Debono u John Gauci mill-Istitut tal-Agrikummerċ, Robert Farrugia u Antmar Gatt mill-Istitut tax-Xjenza Applikata, Svetlana Calleja, Yanica Grech u Daniela Portelli mill-Istitut tan-Negozju u l-Kummerċ, Edric Borg, Brandon Spiteri u Alex Zerafa mill-Istitut tal-Inġinerija Elettrika u Elettronika u Walton Frendo, Laura Haber, Darren Mifsud, Michael Mifsud u Darren Portelli mill-Istitut tal-Inġinerija Mekkanika. Istituti oħrajn tal-MCAST huma mistennija jintroduċu dan ir-rikonoxximent fis-sena akkademika li jmiss.

Il-Ministru żar is-sezzjonijiet differenti tal-MCAST Expo, fosthom l-esebizzjonijiet tal-proġetti tal-inġinerija tal-istudenti, li ħafna minnhom jiġu żviluppati b’kollaborazzjoni ma’ kumpaniji minn industriji differenti, biex jiġu żviluppati teknoloġiji meħtieġa għat-titjib fil-kwalita u l-effiċjenza tal-produzzjoni.  

Waqt l-Expo, studenti li temmew l-edukazzjoni sekondarja (Form 5) jew l-edukazzjoni postsekondarja (sixth form), jew li jixtiequ jibdew xi kors fl-MCAST, jistgħu jiġbru kopja tal-prospett il-ġdid tal-MCAST, b’għażla ta’ 170 kors full-time differenti. Jistgħu wkoll jieħdu pariri mingħand il-career advisers, isiru jafu aktar dwar l-MCAST billi jitkellmu ma’ studenti li diġà qed jistudjaw fil-Kulleġġ, kif ukoll jieħdu sehem f’attivitajiet prattiċi mmexxija mill-lekċerers.  

Il-Ħamis 27 ta’ Ġunju, l-Expo tiftaħ bejn id-0900hrs u t-2000hrs. Il-Ġimgħa, l-Expo tiftaħ bejn id-0900hrs u s-1900hrs, waqt li s-Sibt 29 ta’ Ġunju il-ftuħ ikun bejn id-0900hrs u s-1300hrs.
L-aħħar dettalji dwar l-Expo u dwar kif tapplika għall-korsijiet tal-MCAST jinsabu fuq is-sit www.mcast.edu.mt jew fuq il-paġna tal-MCAST fuq Facebook www.facebook.com/MCASTmt. Aktar informazzjoni jew pariri personali jistgħu jinkisbu mill-‘career advisers’ tal-Kulleġġ fuq career.guidance@mcast.edu.mt jew 2398 7135/6.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT  Is-saħħa mentali u l-benesseri fil-qalba tal-edukazzjoni – Il-Ministru Byron Camilleri jindirizza l-konferenza nazzjonali EduVoices 2026

PR262030

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Is-saħħa mentali u l...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA   Fi tmiem il-ġimgħa se jsiru l-pagamenti tal-iskemi tal-anomaliji għall-2026

PR262029

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA Fi tmiem il-ġ...

More Press Releases Right arrow