L-UFFIĊJALI KORRETIVI HUMA L-PARTNERS TAS-SOĊJETÀ FIR-RIJABILITAZZJONI TAL-PRIĠUNIERI
“Intom uffiċjali korretivi ser tkunu l-partners tas-soċjetà fir-rijabilitazzjoni tal-priġunieri fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.” Dan qalu l-Ministru tal-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Manuel Mallia waqt il-Passing-out Parade ta’ erbgħa u għoxrin uffiċjal korretiv li għall-ewwel darba, wara li għadda avviż legali, ħadu l-ġurament tal-ħatra fl-Akkademja tal-Pulizija f’Santa Venera.
Ir-rijabilitazzjoni ma tfissirx biss li qed tagħmel xi ġid lil xi ħadd, imma li qed tagħmel dak li suppost sabiex is-soċjetà ma jkolliex aktar persuni reċidivi. Il-Ministru Mallia żied jgħid li jemmen li kull uffiċjal korretiv ser jgħin fir-riforma li hemm bżonn fil-Facilità Korretiva ta’ Kordin. “Jistgħu jikkritikawni għax immur inżur il-Facilita’ Korretiva, iżda hekk biħsiebni nagħmel sakemm isir it-tibdil għall-aħjar li hemm bżonn”, tenna l-Ministru. Il-Ministru stqarr li s-socjetà tistenna li kull wieħed u waħda mill-uffiċjali korretivi ma jitradux il-fiduċja li ngħatatilhom. “Dejjem hemm bżonn li tiftakru fil-ġurament li ħadtu minkejja t-tentazzjonijiet li tistgħu taffaċjaw”, qal il-Ministru filwaqt li fakkar li għandhom ir-rwol fir-rijabilitazzjoni ta’ nies li ttiħditilhom il-libertà għax naqsu lis-soċjetà iżda madanakollu ma tistax tittiħdilhom id-dinjità.
Manuel Mallia qal li l-bieb tal-Ministeru huwa miftuħ għal dawk kollha li għandhom għal qalbhom riforma serja fil-ħabs. Il-Ministru Manuel Mallia temm id-diskors tiegħu billi rringrazzja lill-uffiċjali korretivi talli għażlu din il-vokazzjoni u rringrazzja wkoll lil dawk kollha li kienu involuti fit-taħriġ tal-uffiċjali korretivi li dam erba’ xhur.
Other Press Releases:
PR262030
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Is-saħħa mentali u l...
PR262029