SUĊĊESS KBIR GĦAL MALTA FIR-RIFORMA TAL-CAP
Is-Segretarju Parlamentari għall-Biedja, Sajd u Drittijiet tal-Annimali Roderick Galdes iddefenda b’suċċess il-kisbiet kollha li għamlet Malta fi ħdan ir-Riforma tal-Politika Agrikola Komuni (PAK) fil-laqgħa finali tal-Kunsill tal-Ministri li trattat dan is-suġġett. Il-laqgħa li seħħet fil-Lussemburgu bejn l-24 u l-25 ta’ Ġunju kellha l-iskop li jiġu maqbula l-konċessjonijiet neċessarji sabiex instab qbil mal-Parlament Ewropew li jfisser ċertezza għall-biedja Ewropea għal-perjodu 2014-2020.
Fil-PAK il-ġdida kif maqbula ser ikun hemm iżjed rabta fil-pajjiżi kollha bejn il-biedja u s-sostenibbiltà, b’fondi ġodda immirati sabiex jitwettqu l-investimenti neċessarji sabiex jiġu milħuqa l-objettivi ta’ sigurtà tal-ikel u ekonomiċi tal-biedja filwaqt li din tkompli fil-proċess ta’ adattazjoni għat-tibdil fil-klima u ssir izjed effiċjenti. Taħt dan il-qbil, Malta żammet il-pakkett finanzjarju allokat lilha iżjed kmieni din is-sena li jammonta għal madwar 30% izjed finanzjament ta’ fondi Ewropej meta mqabbel mal-perjodu 2007-2013, fejn ser ikun hemm iżjed finanzjementi kemm f’għajnuniet diretti lill-bdiewa kif ukoll bħala żvilupp rurali. Permezz ta’ deroga speċifika biss għall pajjiżna, Malta ser tkun tista’ wkoll talloka sa tliet miljun ewro fis-sena f’għajnuna akkopjata lis-setturi sensittivi tal-ħalib u t-tadam għall-iproċessar bħala għajnuna akkopjata, li hi kruċjali sabiex ikun hemm iċ-ċertezzi f’dawn is-setturi. Malta ottentiet ukoll deroga li biha t-territorju kollu tagħha ser ikun rikonoxxut bħala żona żvantaġġata b’mod permanenti. Dan ir-riżultat huwa partikolarment soddisfaċenti meta mqabbel ma’ dak ta’ ċerti pajjiżi oħra, u meta jitqies li fil-bidu tan-negozjat f’Novembru tal-2011, il-Kummissjoni Ewropea kienet proponiet pakkett bi tnaqqis globali fil-fondi għal Malta fil-PAK ta’ madwar 7% u mingħajr il-flessibiltà li jagħtu dawn id-derogi.
L-Onor. Galdes insista matul il-jumejn tan-negozjati li l-konċessjonijiet li kien qed ifittex il-Parlament Ewropew kellhom jiġu f’iżjed sforzi sabiex jintlaħqu miri ambjentali importanti, iżda mhux fl-appoġġ li jieħdu l-bdiewa. Wara li nlaħaq qbil fuq mandat ta’ negozjazzjoni lill-Prezidenza Irlandiża fis-siegħat bikrin ta’ l-Erbgħa filgħodu, il-pakkett legali ġie finalizzat mal-Parlament Ewropew iżjed tard matul l-istess ġurnata.
Other Press Releases:
PR262030
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Is-saħħa mentali u l...
PR262029