RIFORMA TAL-ĠUSTIZZJA BIL-FATTI: PROĠETT TAL-I.T. B’ERBA’ SERVIZZI ĠODDA GĦAT-TRIBUNAL GĦAL TALBIET ŻGĦAR (SMALL CLAIMS TRIBUNAL)
Dal-għodu fil-Qrati tal-Ġustizzja, s-Segretarju Parlamentari tal-Ġustizzja l-Onor. Dr. Owen Bonnici flimkien mas-Segretarju Parlamentari għall-Kompetittivita’ u t-Tkabbir Ekonomiku l-Onor. Dr. Edward Zammit Lewis ħabbru proġett tal-informatika ġdid għall-użu ta’ dawk li jirrikorru għat-Tribunal Għal Talbiet Żgħar. Huma għamlu dan wara preżentazzjoni li saret fejn ġie spjegat kif ser jaħdem is-servizz.
Id-Direttur tal-Qrati Ċivili u Tribunali, is-sur Frank Mercieca fl-indirizz tiegħu spjega l-proċess li wassal għal proġett bil-kollaborazzjoni tal-MITA. Huwa rringrazzja lic-Chairman tal-MITA s-sur Tony Sultana għall-għajnuna tiegħu. Il-preżentazzjoni online kienet immexxija minn Dr. Audrey Vassallo għan-naħa tal-amministrazzjoni tal-Qorti u minn Kurt Bonnici, Konsulent tal-IT, MITA.
Is-servizz li gie preżentat llum jikkonsisti minn erba' formoli elettroniċi li wieħed jista' juża sabiex jirreġistra talbiet żgħar (small claims) ta' taħt il-valur ta' €3,494.06. Persuna se tkun tista' tiftaħ il-kawża online u anki tara f’liema stadju tal-proċess waslet il-kawża. Kwalunkwe parti mill-proċess jista' jsir ukoll manwali. Dan is-servizz ser jibda jaħdem mill-1 ta' Lulju 2013.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Kompetittivita’ u t-Tkabbir Ekonomiku, l-Onor. Dr. Edward Zammit Lewis, spjega kif illum il-ġurnata, kulħadd jaf bl-importanza tal-informatika fil-ħajja ta’ kuljum u kif l-ICT qiegħed jaffettwa dak kollu li huwa madwarna. Il-Gvern japprezza u jifhem l-importanza li jġib miegħu Gvern elettroniku u l-benefiċċji li dan iġib miegħu għaċ-ċittadini, n-negozji u għall-Gvern innifsu. Huwa enfasizza li l-Gvern ser ikun qiegħed jaħdem fuq it-tajjeb li diġà sar filwaqt li jfittex sabiex itejjeb oqsma oħra.
L-eGovernment mhuwiex biss dwar it-tqegħid ta’ servizzi online, iżda huwa intiż sabiex il-Gvern ikun aktar effiċjenti u effettiv billi tiġi attwata s-simplifikazzjoni tal-proċessi amministrattivi u fl-istess ħin inaqqas mil-piż amministrattiv.
L-informatika trid tkun ikkunsidrata bħala enabler u għodda għall-innovazzjoni – u hekk ukoll fil-Gvern. Nafu kif l-informatika qiegħda tippermetti avvanzi fl-edukazzjoni, fis-saħħa, fis-servizzi għan-negozji u f’tant setturi oħra. Mhux biss għandna nużaw l-aqwa soluzzjonijiet possibbli tal-informatika iżda rridu nkunu fuq ta’ quddiem nett fl-Ewropa. U dan jista’ jsir biss permezz ta' kollaborazzjoni bejn il-Ministeri u dipartimenti kollha tal-Gvern. Għal din ir-raġuni l-MITA se tkompli tiġi msaħħa biex jintlaħqu dawn l-għanijiet ta’ kollaborazjoni.
Is-Segretarju Parlamentari għal Ġustizzja l-Onor. Owen Bonnici minn naħa tiegħu emfasizza l-fatt li l-kollaborazzjoni eċċellenti bejn iż-żewġ segretarjati ħalliet il-frott meħtieġ għaliex permezz tal-ħidma entuzjasta u siewja kemm minn naħa tal-MITA u kemm minn naħa tal-amministrazzjoni tal-Qorti, il-proġett pilota tnieda fi żmien qasir. Huwa rringrazzja lil kull min għamel ħiltu biex il-proġett jirnexxi.
Huwa qal li dan il-proġett li kien tfassal kmieni f’Marzu li għadda u li kien maħsub li jiġi varat f’Awissu, fil-fatt tlesta b’aktar minn xahar qabel u l-protagonisti ewlenin kienu l-ħaddiema taċ-Ċivil u l-Aġenzija MITA.
L-Onor. Bonnici kompla li dan il-proġett pilota jitlaq mill-proposta tal-programm elettorali biex jiġi indirizzat id-dewmien fil-Qorti. Huwa kkummenta li donnu ir-rivoluzjoni tal-informatika waqfet quddiem il-bieb tal-Qorti u li kien neċessarju li jitneħħew l-ostakoli halli l-Qrati jsiru aktar efficjenti. Huwa qal li dan huwa l-ewwel proġett minn sensiela li jridu jitwettqu biex l-IT jiffaċilita’ il-proċess ġudizzjarju.
L-għan aħħari huwa li permezz tar-riforma fil-qasam tal-Ġustizzja li magħħa trid iżżid l-użu aktar estensiv tal-IT, il-Qrati ta’ Malta jsiru l-għira ta’ pajjiżi oħrajn. Dan juri d-determinazzjoni tal-Gvern li jwettaq bis-serjeta’ ir-riforma tal-Qrati u li jnaqqas il-burokrazija.
M’hemmx dubju li fix-xhur li ġejjin ser jitniedew aktar servizzi simili li permezz tagħhom l-operat tal-Gvern jimmodernizza u jsir aktar effettiv u effiċjenti.
Stqarrijiet Oħra:
PR262030
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Is-saħħa mentali u l...
PR262029