JITFAKKAR IL-JUM INTERNAZZJONALI KONTRA L-ABBUZ MID-DROGA: “NINDIRIZZAW IL-KAWŻA QABEL L-EFFETT”
F’konferenza tal-aħbarijiet li fiha ġie mfakkar il-Jum Internazzjonali kontra l-abbuż mid-droga, l-Ministru għall-Familja u Solidarjeta’ Soċjali l-Onor. Marie-Louise Coleiro Preca saħqet li dan il-Gvern huwa kommess li jidħol fi sħubija mal-għaqdiet mhux governattivi sabiex fi front wieħed niffaċjaw l-isfida tad-droga f’pajjiżna.
Il-Ministru Coleiro Preca spjegat kif il-Gvern se jkun qed isaħħaħ il-prevenzjoni sabiex it-tfal u ż-żgħażagħ tagħna jagħmlu l-aħjar għażliet fil-ħajja tagħhom u ma jaqgħux f’vizzji li jkunu ta’ detriment għall-ħajjithom.
Għalhekk, sostniet il-Ministru se nħarsu lejn kampanja ta’ prevenzjoni aktar ħolistika fejn naħdmu f’koperazzjoni mad-Direttorat tal-Edukazzjoni u anki mal-Aġenzija Żgħażagħ.
L-Onor. Coleiro Preca qalet li dan huwa Gvern pro-attiv u għalhekk se jindirizza l-kawża tal-problema tad-droga qabel din tħalli l-effett.
Hija spjegat ukoll kif sal-aħħar ta’ din is-sena l-Kummissjoni Nazzjonali dwar l-abbuż tad-droga se tkun irrevediet il-politika nazzjonali dwar id-droga li tfasslet fl-2008, iżda li qatt ma ġiet implimentata mill-amministrazzjoni preċedenti.
L-Onor. Coleiro Preca qalet li fid-dawl ta’ dan se jkun hemm struttura sabiex din il-politika nazzjonali tibqa’ tiġi riveduta kontinwament. Il-Kummissjoni Nazzjonali dwar l-abbuż tad-droga se tkun qed tagħmel stħarriġ fuq bażi nazzjonali permezz ta’ kwestjonarju ma’ persuni bejn 18 u 65 sena dwar abbuż minn sustanzi.
Waqt il-konferenza tal-aħbarijiet l-Onor. Coleiro Preca għamlet anki referenza għall-aħħar statistika maħruġa fl-2011 mill-European Monitoring Centre for Drugs and Drug Addiction li jgħid kif pajjiżna jinsab qrib l-massimu tar-rata tal-Unjoni Ewropeja fejn jidħol l-abbuż mid-droga kokaina u l-ecstasy minn persuni li għadhom l-iskola.
Il-Ministru Coleiro Preca qalet ukoll li dan il-Gvern se jkun qed jesplora l-possibilitajiet ta’ Qorti tad-Droga bħal m’hemm f’pajjiżi oħra u li dan jaħdem fuq mudell speċjalizzat fejn il-partijiet konċernati f’dan il-Qorti jaħdmu flimkien sabiex bis-serjeta’ ngħinu lill-vittmi tad-droga jirrijabilitaw ruħhom.
Stqarrijiet Oħra:
PR262030
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Is-saħħa mentali u l...
PR262029