Left arrow Mur Lura

GĦELUQ IL-KONSULTAZZJONI PUBBLIKA BIT-TEMA GVERN LI JISMA’

pr1344
Date Icon 25/06/2013

Il-liġi għall-Whistleblower se tkun qed titressaq quddiem il-Parlament għada wara li ġiet approvata fil-Kabinett tal-Ministri.

Dan qalu l-Prim Ministru Joseph Muscat waqt laqa’ mal-membri tal-pubbliku fil-bitħa ta' Kastilja. Din l-okkażjoni kienet timmarka l-għeluq ta' konsultazzjoni pubblika li ġġib l-isem ta’ Gvern li Jisma'.  Nies minn kull parti tas-soċjetà attendew għal din il-laqgħa u tkellmu dwar ċirkustanzi tal-ħajja li jiltaqgħu magħhom. Kien hemm ukoll dawk  li għaddew is-suġġerimenti tagħhom lill-Prim Ministru f'atmosfera ta' djalogu.

Il-Prim Ministru Joseph Muscat min-naħa tiegħu qal li din tal-lejla kienet waħda minn sessjoni twila ta' okkażjonijiet fejn il-Gvern qed juri x-xewqa tiegħu li jiltaqa' mal-pubbliku tal-inqas darba kull sitt xhur. Issemma wkoll li l-Gvern jixtieq ilaqqa' lill-membri tal-kabinett mal-pubbliku f'lokalitajiet differenti madwar Malta u Għawdex.

Fost il-firxa wiesgħa ta' diskussjonijiet, issemmew l-inġustizzji fuq il-post tax-xogħol, l-anomaliji fil-penzjonijiet, is-sigurtà nazzjonali, il-meritokrazija, it-tnaqqis ta' burokrazija fil-proċess tat-tendering u l-gżira ta' Għawdex.

Fir-risposti tiegħu għall-kummenti tan-nies, il-Prim Ministru qal li bħalissa qed isiru audits indipendenti sabiex tiġi stabbilita s-sitwazzjoni presenti f'diversi entitajiet tal-Gvern. Tenna wkoll li qed jiġu identifikati sezzjonijiet fejn qed isir spalpaljar ta' riżorżi, inġustizzji u abbużi. Infatti huwa għal din ir-raġuni li minn għada stess se jiġi diskuss il-Whistle Blower Act waqt laqgħa tal-kabinett u aktar tard filgħaxija se jibdew diskussjonijiet f'dan ir-rigward fil-Parlament.

Joseph Muscat qal li l-Belt Valletta hi l-unika Belt Kapitali li ma tħaddanx fiha lukandi ta’ lussu. Għalhekk għandu jkun hemm lok għal żewġ lukandi ta’ lussu sabiex dawn jgħinu jġibu aktar kummerċ u jagħtu preġju xieraq lil din il-belt storika. B’riżultat ta’ dan, jinħoloq il-kummerċ li tant sidien tal-ħwienet qed iħossu n-nuqqas tiegħu. Għal dan il-għan, qed jiġi wkoll studjat il-proċess tas-CVA sabiex jinsab mezz kif din is-sistema tibda tkun ta’ renditu għall-pajjiż ladarba rriżulta li din is-sistema qed toħroġ bit-telf. Fid-dawl ta’ dan, il-Gvern beħsiebu jwaqqaf National Traffic Strategy u National Parking Strategy sabiex tissolva l-problema tat-traffiku u n-nuqqas ta' parkeġġ.

Il-Prim Ministru qal li għalkemm aħna membri tal-Unjoni Ewropea u nsegwu r-regoli tagħha, hemm bżonn nesploraw orizzonti ġodda fejn jidħol il-qasam tal-kummerċ, u għalhekk sal-aħħar tas-sena se titwaqqaf Delegazzjoni Kummerċjali.  Il-qasam tal-investiment għandu fejn jikber ladarba nfittxu swieq ġodda f’pajjiżi bħall-Israel, il-Libja, iċ-Ċina u r-Russja. Jeħtieġ li niftħu idejna għal aktar investiment mal-Amerka Ta’ Fuq u l-Afrika.

Il-Prim Ministru sostna li Malta hija pajjiż miftuħ għal kulħadd u li mhux se jkun ittollerat l-ebda forma ta’ razziżmu. Għaldaqstant ma tistax tibqa’ tiġi aċċettata s-sitwazzjoni li jiffaċċjaw iċ-ċittadini barranin ta’ kull ġimgħa meta jmorru biex japplikaw għall-karti tal-identità.  Hu għalhekk li l-Prim Ministru ħabbar li ftit tax-xhur oħra se titwaqqaf Aġenzija taċ-Ċittadinanza u tal-Visas sabiex ma nkomplux nitilfu x-xogħol minn dan il-pajjiż minħabba burokrazija żejda.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT  Is-saħħa mentali u l-benesseri fil-qalba tal-edukazzjoni – Il-Ministru Byron Camilleri jindirizza l-konferenza nazzjonali EduVoices 2026

PR262030

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Is-saħħa mentali u l...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA   Fi tmiem il-ġimgħa se jsiru l-pagamenti tal-iskemi tal-anomaliji għall-2026

PR262029

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA Fi tmiem il-ġ...

Aktar Stqarrijiet Right arrow