PERFORMANCE AUDIT: THE MANAGEMENT OF ELECTIVE SURGERY WAITING LISTS
L-Awditur Ġenerali ikkonkluda li d-dewmien żejjed biex isiru operazzjonijiet iħalli impatt negattiv kemm fuq il-pazjent kif ukoll fuq l-Isptar Mater Dei (MDH). Minħabba l proviżjonijiet tal-Cross Border Health Directive, dewmien eċċessiv jista’ fil-futur qarib iżid l-ispiża tal Gvern. Ir-Rapport jirrikonoxxi li l-pazjenti li użaw l-Isptar kienu sodisfatti ħafna bis servizz provdut. Iżda, ġie innutat ukoll li, minkejja ż-żieda ta’ operazzjonijiet ippjanati li saru matul dawn l-aħħar snin, madwar għoxrin fil-mija tal-pazjenti damu jistennew għall-intervent tagħhom għal aktar minn sena.
Iż-żieda fid-domanda għall-interventi ippjanati, prinċipalment, ġejja mill-bżonnijiet ta’ popolazzjoni li qed tixjieħ, l-introduzzjoni ta’ mezzi innovattivi ta’ kif isiru l-operazzjonijiet, u minħabba l-firxa ta’ faċilitajiet ġewwa MDH. Id-domanda għall-operazzjonijiet ġiet, sa ċertu punt, indirizzata b’żieda fin-numru ta’ interventi li saru f’MDH u billi xi interventi saru fil-privat permezz ta’ kuntratti ta’ sħubija mal-Gvern. Madanakollu, problemi strateġiċi u loġistiċi qed jillimitaw l-Isptar milli jkompli jżid in-numru ta’ interventi.
Id-domanda mill-pazjenti għal servizzi mediċi fis-settur privat u l-pakkett remunerattiv offrut f’dan is-settur jagħmilha aktar diffiċli għall-MDH biex jinkoraġġixxi l-konsulenti u l professjonisti tas-settur biex iżidu d-disponabilità tagħhom f’dan l-Isptar. Minbarra dan, il proċeduri tas-settur pubbliku qed itawlu l-proċess tar-reklutaġġ ta’ professjonisti tas-settur biex dawn jiġu ingaġġati mill-Isptar.
L-Isptar għadu fil-proċess li jikkompjuterizza l-lista ta’ stennija f’sistema ċentralizzata. Dan il proġett, li beda tliet snin ilu, iffoka fuq id-Dipartimenti tal-Kardjoloġija, Oftalmoloġija, Ortopedija u Kirurġija. Din is-sistema ċentralizzata hija prerekwiżita biex tissaħħaħ it trasparenza u l-kontroll fuq il-proċessi marbuta mal-operazzjonijiet ippjanati. Dan il-għan ikun jista’ jintlaħaq għax tiġi trasferita r-responsabilità tal-immaniġġjar tal-listi ta’ stennija mingħand il-konsulenti għal għand it-tmexxija tal-Isptar.
In-nuqqas ta’ integrazzjoni bejn is-sistemi kompjuterizzati u d-dokumentazzjoni marbuta mal operazzjonijiet qiegħed ifixkel aspetti amministrattivi u maniġerjali. Minkejja l-importanza ta’ dan, ġew sospiżi studji biex jagħrfu l-potenzjal u l-ispiża tal-Integrated Health Management System 2 (IHIS2). Sakemm ikun hemm deċiżjoni ċara f’dan ir-rigward l-MDH mhux f’pożizzjoni li jfittex u jinvesti f’sistemi teknoloġiċi alternattivi.
F’Lulju 2012, tmintax mit-teatri “Ġenerali” u ħamsa mit-teatri tal-Endoskopija, intużaw għal 31 u 27 siegħa fil-ġimgħa rispettivament. L-użu tat-teatri tal-operazzjonijiet, fost l-oħrajn, kien affettwat mit-turnover tas-sodod, l-aktar minħabba li 12 fil-mija tas-sodod huma okkupati minn pazjenti li qed jistennew biex jiġu trasferiti f’istituzzjonijiet oħra tas-saħħa. Din is-sitwazzjoni tillimita sostanzjalment in-numru ta’ day surgery li jistgħu jsiru fl-Isptar. Ineffiċjenzi rriżultaw ukoll: għaliex xi operazzjonijiet bdew tard, kien hemm dewmien bejn intervent u ieħor, xi listi ta’ interventi ma kinux maħsuba biex jużaw il-ħin kollu allokat, u xi sessjonijiet ta’ interventi spiċċaw kmieni. In-nuqqas ta’ awtorità ċentrali li tassumi r-responsabilitajiet għall użu u loġistika tat-teatri qiegħda tirriżulta f’nuqqas ta’ kontroll fuq din l-infrastruttura essenzjali u ta’ valur ġewwa MDH.
Iż-żieda sostanzjali fin-numru ta’ operazzjonijiet kienet ġeneralment attribwita għall identifikazzjoni ta’ xi ineffiċjenzi fil-proċessi u l-mod ta’ kif jiġu indirizzati. Dawn il-bidliet kontinwi wasslu għal riżultati pożittivi. Iżda dawn l-isforzi għandhom ikunu sostnuti bl-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ policies dwar strateġiji, loġistika u l-potenzjal ta’ sħubija iżjed wiesgħa mal-privat. Barra minn dan, l-integrazzjoni tas-sistemi ta’ informazzjoni fl-Isptar għandha tikkumplimenta dawn il-miżuri. Din id-direzzjoni għandha twassal biex jissaħħaħ il-kontroll fuq il-proċessi tal-operazzjonijiet ippjanati, u tikkontribwixxi għas sostenibbiltà ta’ dan il-qasam.
Ir-Rapport jippreżenta għadd ta’ rakkomandazzjonijiet ibbażati fuq fatturi serji u kwistjonijiet identifikati waqt il-proċess ta’ verifika.
Kopja kompluta tar-Rapport ta’ verifika hija aċċessibli mis-sit elettroniku tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika (http://www.nao.gov.mt), minn għada.
Stqarrijiet Oħra:
PR262030
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Is-saħħa mentali u l...
PR262029