“NEMMNU FIL-WIRT KULTURALI TA’ PAJJIŻNA”
F’konferenza tal-aħbarijiet is-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Kultura u l-Gvern Lokali, José Herrera ħabbar li l-Gvern Malti beda xogħol biex jirrevedi l-lista tentattiva tal-proprjetajiet ta’ wirt kulturali dinji rikonoxxut mill-UNESCO. B’mod speċifiku huwa semma l-Belt tal-Imdina li l-Gvern fi ħsiebu jagħmel ħiltu kollha biex din tiġi rikonoxxuta mill-UNESCO. Huwa qal li din il-ħidma hija impenjattiva u tinkludi għadd ta’ studji li jridu jsiru biex jiġġustikaw l-inklużjoni tal-Imdina fuq il-lista proprja ta’ wirt dinji. Is-Segretarju Parlamentari qal li l-Belt tal-Imdina għandha l-preġji kollha li jagħmilha sit kulturali ta’ wirt dinji.
Bħalissa l-Belt antika tal-Imdina hija waħda mis-sebgħa siti f’pajjiżna li fl-1998 kienu nominati mill-Gvern Malti biex ikunu rikonoxxuti mill-UNESCO fuq il-lista tentattiva tagħha. Huwa qal li wara dan iż-żmien kollu issa wasal iż-żmien li l-Gvern jaħdem biex din il-lista tiġi rikonoxxuta uffiċjalment mill-UNESCO. Is-Segretarju Parlamentari qal dan qed isir mill-Gvern Malti għax jemmen fil-potenzjal tal-wirt kulturali li għandu pajjiżna.
Is-Segretarju Parlamentari qal dan fi tmiem konferenza tal-aħbarijiet dwar is-suċċess li kisbet l-Fondazzjoni Wirt Artna meta fil-jiem li għaddew, tlieta mill-erbgħa siti li tmexxi l-Fondazzjoni Wirt Artna, ġew rikonoxxuti mit-tripadvisor.com bħala tlieta mill-aqwa għaxar siti ta’ wirt kulturali hawn f’pajjiżna. Dawn it-tlett siti huma l-Forti Rinella, il-Lascaris War Rooms u s-Saluting Battery fil-Belt Valletta. Mario Farrugia li jmexxi Wirt Artna qal li dan is-suċċess jimla lill-membri tal-Fondazzjoni b’saħħa, impenn u dedikazzjoni.
Is-Sovrintendent tal-Patrimonju Kulturali Dr Anthony Pace qal li fl-2001 il-Kunsill tal-Ewropea qabel li l-pajjiżi membri għandhom jagħtu spazju lill-NGO’s biex jaħdmu f’dan il-qasam. Huwa qal li Malta kienet pajjiż minn ta’ quddiem nett li ħadmet dan il-prinċipju speċjalment bix-xogħol li sar ma’ din l-Art Ħelwa u mbagħad mal-Fondazzjoni Wirt Artna. Huwa qal li llum qed naħsdu s-suċċessi li qed jagħmlu dawn l-NGO’s.
Is-Segretarju Parlamentari feraħ lill-Wirt Artna tas-suċċess li kisbu u awguralhom biex jagħmlu aktar xogħol fl-interess tal-wirt kulturali f’pajjiżna. José Herrera qal li llum qed naħsdu x-xogħol li sar 25 sena ilu meta f’pajjiżna ddaħħal il-kunċett ta’ kurazija. Is-Segretarju Parlamentari qal li l-NGO’s f’pajjiżna huma t-tielet pilastru fis-settur tal-kultura.
Stqarrijiet Oħra:
PR262030
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Is-saħħa mentali u l...
PR262029