STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦALL-BIEDJA, SAJD U DRITTIJIET TAL-ANNIMALI
Bħala prekawzjoni, l-annimali fil-Petting Farm f’Ta’ Qali u dawk tal-Park ta’ M’Scala se jiġu trasferiti l-Għammieri
Kawża ta’ xogħol li sar bl-għaġla mill-amministrazzjoni preċedenti biex jiġi miftuħ il-Park ta’ Marsascala s-sena li għaddiet irriżulta li ma sar l-ebda studju adegwat u lanqas ma ttieħdu l-pariri tal-veterinarji fuq il-kundizzjonijiet li kienu se jinżammu fihom l-annimali tul ix-xhur tas-sajf.
Is-Segretarjat Parlamentari għall-Biedja, Sajd u Drittijiet tal-Annimali, qed jaċċerta li se jsir studju kif il-post fejn qed jinżammu l-annimali jista’ jkun ferm aħjar.
Dwar il-każ tan-nagħġa u l-ħmar li ġew irrappurtati fis-social networks, is-Segretarjat jixtieq jispeċifika li ma kien hemm l-ebda każ ta’ moħqrija fuq dawn l-annimali. Iż-żewgt annimali għandhom sores, xi ħaġa komuni f’dawn l-annimali anke minħabba li joqogħdu bilqiegħda jew jitmiegħku fuq it-tiben fl-art. Huma qed jirċievu l-kura meħtieġa.
Is-Segretarjat qed jaħdem biex ġewwa l-Park ta’ M’Scala, proprju fejn hemm in-nagħaġ u l-mogħoż jitjieb l-ilqugħ mix-xemx. Dan se jsir billi jintuża materjal adegwat biex jilqa’ mill-qilla tax-xemx. Il-fniek li jinsabu f’dan il-Park diġà ġew imneħħija u tpoġġew fl-Għammieri biex jiġu evitati iktar imwiet jew problemi ta’ saħħa fl-annimali.
Is-Segretarjat għall-Biedja, Sajd u Drittijiet tal-Annimali jixtieq jinforma li qed ikunu hemm spezzjonijiet aktar spissi mill-veterinarju biex is-saħħa tal-annimali tiġi mmoniterjata kontinwament u anke qed jieħu ħsieb li jiġi mtejjeb l-istat tal-post li sar b’ħafna għaġla u bla ħsieb biex jinfetaħ biss ftit ġranet qabel l-elezzjoni li għaddiet.
Is-Segretarjat għall-Biedja, Sajd u Drittijiet tal-Annimali jixtieq iħabbar ukoll li s-sezzjoni tal-fniek fil-Petting Farm f’Ta’ Qali se tiġi temporanjament magħluqa għal matul ix-xhur sħan tas-sajf.
Stqarrijiet Oħra:
PR262030
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Is-saħħa mentali u l...
PR262029