Left arrow Go Back

IL-GVERN JIPPREŻENTA L-PROPOSTI TIEGĦU BIEX JINDIRIZZA IMPJIEGI B’KONDIZZJONIJIET PREKARJI

pr1321
Date Icon 24/06/2013

Waqt laqgħa tal-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali (MCESD), il-Ministru Helena Dalli nediet il-proposti tal-Gvern biex tkun indirizzata l-problema ta’ impjiegi b’kundizzjonijiet prekarji f’pajjiżna.

Il-Ministru Dalli qalet li se jkunu qed isiru sensiela ta’ laqgħat mal-imsieħba soċjali fuq din l-isfida wara li l-Gvern preżenta l-proposti tiegħu.

Dr. Dalli irreferiet għad-‘Decent Work Agenda’ tal-Organizzazzjoni Dinjija tax-Xogħol li tisħaq fuq il-punt li l-ħaddiema kollha, b’mod partikolari ħaddiema żvantaġġjati u fqar, għandhom bżonn ikunu rappreżentati, jipparteċipaw, u jkollhom liġijiet li jaħdmu fl-interessi tagħhom.

Il-Ministru Dalli qalet li l-Gvern diġà beda jmexxi bl-eżempju f’dan il-qasam. Fost l-oħrajn, hi semmiet il-fatt li l-Gvern il-ġdid beda jsaħħaħ il-funzjoni ta’ sorveljanza tad-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali u l-Impjiegi.

Il-proposti tal-Gvern kienu ppreżentati mid-Direttur tal-istess dipartiment, Dr. Noel Vella. Dr. Vella spjega l-possibilitajiet li għandu quddiemu l-Gvern f’dan ir-rigward, fosthom li l-Gvern ikun aktar viġilanti meta jagħti tenders pubbliċi lil kumpaniji privati, kif ukoll fl-eżekuzzjoni tax-xogħol li jkun ingħata mill-Gvern.

Fost il-proposti hemm li l-Gvern ma jagħtix tenders fejn ix-xogħol ikun se jingħata b’sub-contracting lil kumpaniji terzi, u fejn ix-xogħol ikun se jsir minn ħaddiema li huma reġistrati bħala self-employed minflok ma jkunu ingaġġati bħala impjegati. Dr. Vella qal li l-Gvern qed jipproponi li l-kumpaniji li jieħdu tenders tal-Gvern ikunu rreġistraw il-ħaddiema tagħhom mal-ETC u l-ħaddiema jridu jkunu ingaġġati b’kuntratt tax-xogħol bil-miktub.  Il-Gvern qed jipproponi wkoll li l-ħaddiema jridu jingħataw payslips dettaljati mad-dħul tal-pagi, kif ukoll li l-pagi jkunu depożitati f’kontijiet bankarji.  Il-kumpaniji jridu wkoll iżommu l-attendenza tal-impjegati biex ikun verifikat li l-impjegati qed jaħdmu b’mod regolari.

Dr. Vella spjega kif il-Gvern qed jipproponi li jżomm id-dritt li jikkanċella tenders li ma jimxux ma’ dawn ir-regoli. Huwa qal li l-ħsieb tal-Gvern hu li jkompli jtejjeb is-sorveljanza tiegħu fuq kumpaniji li jingħataw kuntratti mill-Gvern waqt l-operat tagħhom, kif ukoll li jibda jivverifika d-dikjarazzjonijiet bankarji tal-kumpaniji f’dak li jikkonċerna depożiti ta’ pagi tal-ħaddiema.

Dr. Vella qal li l-Gvern huwa impenjat li jikkjarifika u jaġġorna l-liġi eżistenti f’dan ir-rigward, kif ukoll iħejji kampanji edukattivi biex tinħoloq aktar kuxjenza pubblika dwar dan.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT  Is-saħħa mentali u l-benesseri fil-qalba tal-edukazzjoni – Il-Ministru Byron Camilleri jindirizza l-konferenza nazzjonali EduVoices 2026

PR262030

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Is-saħħa mentali u l...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA   Fi tmiem il-ġimgħa se jsiru l-pagamenti tal-iskemi tal-anomaliji għall-2026

PR262029

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA Fi tmiem il-ġ...

More Press Releases Right arrow