“IL-PEACE GROVE LI HEMM QRIB IT-TORRI TA’ GĦAJN TUFFIEĦA HUWA SIMBOLU TAR-RABTA BEJN L-AMBJENT, L-IŻVILUPP SOSTENIBBLI, L-PAĊI U L-ĠUSTIZZJA” – IL-MINISTRU LEO BRINCAT
Dalgħodu l-Ministru għall-Iżvilupp Sostenibbli, l-Ambjent u t-Tibdil fil-Klima Leo Brincat inawgura xogħlijiet ta’ tisbieħ li saru mill-Fondazzjoni Gaia fuq il-Peace Grove li tinsab qrib it-Torri ta’ Għajn Tuffieħa.
Il-Ministru Leo Brincat qal li dan il-proġett huwa simbolu tar-rabta diretta bejn l-ambjent, l-iżvilupp sostenibbli, l-paċi u s-sliem u l-ġustizzja. Il-kunċett ta’ Peace Groves illum qed jinfirex madwar id-dinja fuq iż-żewġ naħat tal-Atlantiku.
Qal li dan il-Peace Grove jagħti ġieh lil għadd ta’ personalitajiet li għamlu isem għalihom infushom fil-ġlieda favur is-sliem dinji. Huwa sellem lil persuni bħal Martin Luther King, Mahatma Gandhi, Kennedies u Dag Hammerskjold li kollha sfaw vittmi tal-ħidma tagħhom, filwaqt li ta tislima partikulari lil Nelson Mandela li preżentament qiegħed jikkumbatti għal ħajtu wara snin ta’ tmexxija għaqlija, tbatija fil-ħabs u anke oppożizzjoni effettiva. Minkejja li ilu li rtira mill-ħajja pubblika għadu vvenerat bħala inkarnazzjoni ta’ dak li rnexxielu jġib fi tmiem tliet sekli ta’ ħakma minoritarja bajda f’pajjiżu.
Il-Ministru qal li għal ħafna nies dawn il-personalitajiet, li fil-Peace Grove nsibu tifkiriet u informazzjoni dwarhom, mhux biss huma meqjusa bħala politiċi jew figuri pubbliċi iżda ukoll bħala ikoni li lkoll offrew viżjoni u kienu ta’ ispirazzjoni għal tant ġnus madwar id-dinja.
Il-Ministru Leo Brincat qal ukoll li fi studju li sar fil-Fillandja nstab li fejn l-istandards ambjentali jinżammu għoljin mhux biss titjieb il-kwalita’ tal-ħajja jżda huwa meqjuż li hemm rabta diretta mat-tnaqqis ta’ każi ta’ koruzzjoni.
Dan kienet qalitu wkoll f’okkażjoni minnhom l-Aġenzija Internazzjonali li tkejjel abbużi ta’ poter f’għadd ta’ pajjiżi u setturi, Transparency International.
Lura għal dan il-proġett, il-Ministru awgura li l-Peace Grove f’Għajn Tuffieħa jirnexxielu jiġbed lejh l-akbar għadd possibli ta’ visitaturi, kemm lokali u barranin, ħalli b’hekk min iżur is-sit jirnexxielu jgawdi minn esperjenza sabiħa u pożittiva li jżżomm ħajja l-erba’ setturi ewlenin li jsemmew aktar qabel. Setturi qal il-Ministru, li ma jistgħux jaħdmu b’mod effettiv indipendentement minn xulxin.
Huwa appella biex proġetti bħal dawn mhux biss jinżammu fl-aqwa kundizzjoni jżda wkoll li fl-ebda mod m’għandhom jispiċċaw fil-mira ta’ atti vandali.
Other Press Releases:
PR262030
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Is-saħħa mentali u l...
PR262029