STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦALL-BIEDJA, SAJD U DRITTIJIET TAL-ANNIMALI
Il-Gvern jisħaq dwar prezzijiet ġusti u affordabbli
Is-Segretarju Parlamentari għall-Biedja, Sajd u Drittijiet tal-Annimali Roderick Galdes jixtieq jagħmilha ċara li s-Segretarjat mhu qed jieħu l-ebda pożizzjoni kontra l-operatur ta’ San Franġisk. Il-Gvern qed jisħaq dwar prezzijiet ġusti u affordabbli għall-konsumatur.
Huwa għalhekk li l-Onorevoli Roderick Galdes ma jistax jifhem kif il-Parit Nazzjonalista qed iħoss il-bżonn li jiddefendi l-operatur tal-isptar tal-annimali b’mod l-aktar apert, dan minflok iħares lejn l-interess tal-konsumatur. Din hija problema li ħolqot l-amministrazzjoni preċedenti minħabba li ma sar l-ebda arranġament uffiċjali fil-kuntratt bejn l-istess Gvern u l-operatur. Kien il-Gvern preċedenti li qal li l-annimali li jinġabru mid-Dipartiment tal-Ħarsien tal-Annimali kellhom jiġu trattati b’xejn, iżda meta Gvern Laburista daħal fl-amministrazzjoni sab li dan ma kienx minnu. Dan ma jfissirx li qed jitħasseb jew jintqal biex l-annimali jinqatlu. Din hi biss spekulazzjoni mill-Partit Nazzjonalista.
Huwa inġust li l-Oppożizzjoni qed ixxekkell ukoll milli tħalli l-pubbliku ġenerali jgħaddi l-ħsibijiet tiegħu dwar iċ-Ċentru tal-annimali. Żgur li mhux fil-ħsieb tas-Segretarjat li jxekkel il-ħidma ta’ San Franġisk. Għall-kuntrarju, l-intenzjoni hi li jkun hemm ħidma biex is-servizz ikun wieħed tajjeb u affordabbli għal kulħadd.
Is-Segretarjat ħass li kellu jieħu azzjoni dwar l-ilmenti li ilhom fuq l-ixkaffa sa mill-ftugħ tal-isptar f’Ottubru tal-2010. Bħala Gvern li jisma’ s-Segretarjat għandu l-obbligu li jagħmel xi ħaġa dwar l-ilmenti li ilu jirċievi.
Jixtieq jiġi ċċarat ukoll li mhux minnu li l-Onorevoli Galdes m’aċċettax li jagħmel konferenza stampa miċ-Ċentru San Franġisk. Ħass li ma kienx opportun li jidħol fiċ-ċentru u jikser il-privatezza tal-klijenti u wkoll l-andament fiċ-Ċentru. Wara li spiċċat il-konferenza stampa, is-Segretarju Parlamentari, minn jheddu daħal fiċ-Ċentru flimkien mal-operatur u tkellmu dwar l-andament tiegħu.
Other Press Releases:
PR262030
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Is-saħħa mentali u l...
PR262029