Left arrow Mur Lura

ĦADDIEMA TAL-COMMUNITY WORK SCHEME IMPENJATI F’ĦIDMA TA’ TISBIĦ FIL-ĠNIEN ROMEO ROMANO

pr2288
Date Icon 19/10/2012

Il-Ministru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol Dolores Cristina akkumpanjata minn Sandra Sladden, Chairperson tal-Korporazzjoni għax-Xogħol u t-Taħriġ u s-Sindku ta’ Santa Venera Horace Anastasi, dalgħodu żaru l-ħaddiema tal-Community Work Scheme li qed jagħmlu xogħol ta’ tisbiħ u tindif fil-Ġnien Romeo Romano f’Santa Venera.

Ix-xogħol ta’ restawr fil-Ġnien Romeo Romano hu l-ewwel proġett pilota li twettaq bejn il-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ permezz tal-ħaddiema msieħba fil-Community Work Scheme u l-IPSL (Industrial Projects and Services Ltd.). Ix-xogħol f’dan il-ġnien beda f’nofs Awwissu li għadda.

Wara dawn l-esperjenzi pożittivi, il-ħaddiema tal-Community Work Scheme flimkien mal-IPSL qed jaħdmu mad-Dipartiment tas-Saħħa biex jibda xogħol ta’ tindif u restawr fiċ-Ċimiterju tal-Addolorata u qed jitfassal ukoll programm biex issir ħidma f’diversi skejjel tal-Gvern.

Il-Ministru Dolores Cristina fakkret li l-Community Work Scheme kienet bdiet fl-2007 u fil-bidu kienet miftuħa għal dawk li kienu ilhom jirreġistraw għax-xogħol għal 5 snin jew aktar u l-parteċipanti kienu jieħdu bħala ħlas l-ekwivalenti ta’ 75% tal-paga minima nazzjonali.

Ftit ilu l-iskema ġiet estiża għal dawk li ilhom jirreġistraw għax-xogħol għal sitt xhur jew aktar u jkun qed jirċievi l-benefiċċju tal-qgħad.

Illum hemm 318 persuna jipparteċipaw f’din l-iskema li minnhom 79 huma Għawdxin.  B’kollox hemm 289 raġel u 29 mara.

F’Malta in-nies tal-Community Work Scheme qed jaħdmu ma’ 40 Kunsill Lokali u 35 NGO filwaqt li f’Għawdex qed jibbenefika mill-ħaddiema ta’ din l-iskema, 15-il-Kunsill Lokali u 14-il NGO.

Il-ħidma li ssir mill-ħaddiema tal-Community Work Scheme tvarja ħafna.

Tindif u tisbiħ f’toroq u ġonna pubbliċi;

Bini u rranġar ta’ ħitan tas-sejjiegħ;

Xogħol ta’ manutenzjoni f’postijiet pubbliċi u bini storiku;

Irranġar ta’ Libereriji pubbliċi fl-iskejjel u kunsilli lokali;

Manutenzjoni ta’ faċilitajiet sportivi;

Għajnuna fit-tisbiħ ta’ Housing Estates;

Tindif fil-Palazz tal-President;

Xogħol fi knejjes u każini tal-baned;

Il-Ministru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol qalet li dawn ix-xogħlijiet kienu jinħtieġu nies ta’ ċertu ħiliet u għalhekk il-Korporazzjoni kellha torganizza korsijiet apposta biex l-imsieħba fl-iskema jiksbu ħiliet li ma kellhomx u li kienu meħtieġa għax-xogħol li riedu jagħmlu.

Barra milli għenet biex nies li kienu ilhom xhur u snin jirreġistraw għax-xogħol jagħmlu esperjenzi u jiksbu ħiliet li jqarrbuhom aktar lejn is-suq tax-xogħol, l-iskema għenet lil uħud mill-parteċipanti tagħha biex jegħlbu wkoll xi problemi bħalma huma vizzji, biex joħroġu minnhom  u jintegraw aħjar fis-soċjetà. Numru ta’ persuni li pparteċipaw fl-iskema irnexxielhom  isibu mpjieg permanenti.

Min jipparteċipa fil-Community Work Scheme irid ikun qed jirreġistra għax-xogħol u jirċievi l-benefiċċju tal-qgħad.  Meta jibda jipparteċipa fl-iskema il-persuna taħdem għal 30 siegħa fil-ġimgħa u allura jiżdidilha l-benefiċċju li tkun qed tirċievi biex b’kollox tieħu 75% tal-paga minima nazzjonali kull ġimgħa billi tkun qed taħdem għal 75% ta’ ġimgħa normali ta’ xogħol.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERATION OF THE GRAND HARBOUR  Six kilometres of new cables to continue reinforcing Birkirkara’s electricity network

PR262024en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERAT...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ENERĠIJA, L-AMBJENT U R-RIĠENERAZZJONI TAL-PORT IL-KBIR  Sitt kilometri ta’ cables ġodda biex ikompli jissaħħaħ in-network tad-distribuzzjoni tal-elettriku f’Birkirkara

PR262024

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ENERĠIJA, L-AMBJENT U R-RIĠENERAZZJONI TAL-P...

Aktar Stqarrijiet Right arrow