Left arrow Mur Lura

AKTAR MINN 60% TAŻ-ŻGĦAŻAGĦ MALTIN JAQRAW KULJUM

pr2285
Date Icon 18/10/2012

- 44% taż-żgħażagħ jippreferu jaqraw bl-Ingliż u 17% jippreferu jaqraw bil-Malti

- Il-Konkors Kitba Letteratura għaż-Żgħażagħ ta’ Aġenzija Żgħażagħ u l-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb se jkun qiegħed 6 kotba ġodda fis-suq għal qari

- Awturi żgħażagħ qed jingħataw għajnuna biex itejbu l-ħiliet tagħhom fil-kitba

Minn stħarriġ li kien ippubbilkat ftit tal-ġranet ilu dwar iż-żgħażagħ u l-perċezzjonijiet u l-attitudnijiet tagħhom ħareġ li aktar minn 60% taż-żgħażagħ jaqraw kull jum, b’nofshom jaqraw għal siegħa kull jum. Ħareġ ukoll li filwaqt li 44% taż-żgħażagħ iħobbu jaqraw bl-Ingliż, 17% biss jaqraw bil-Malti. Dan jista’ jirrifletti l-fatt li hawn nuqqas ta’ letteratura bil-Malti għaż-żgħażagħ adoloxxenti u kien għalhekk li fl-2009 il-Gvern permezz ta’ Aġenzija Żgħażagħ flimkien mal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb nieda l-Konkors Kitba Letteratura għaż-Żgħażagħ li għandu l-għan li jħeġġeġ kittieba jiktbu testi għaż-żgħażagħ billi jiffinanzja l-pubblikazzjoni tagħhom filwaqt li jagħti l-opportunità liż-żgħażagħ biex huma wkoll jibdew jiktbu bil-Malti.

Dan qalu l-Onor Clyde Puli meta nieda żewġ kotba ġodda bil-Malti għaż-żgħażagħ u adoloxxenti waqt attività fl-Iskola Sekondarja tal-Bniet Santa Lucia, Kulleġġ St Thomas More. Il-kotba imnedija Storja Maqsuma ta’ Emanuel Psaila u Tmiem il-Ġimgħa ta’ Ivan Bugeja huma rebbieħa tal-Konkors Kitba Letteratura għaż-Żgħażagħ amministrat minn Aġenzija Żgħażagħ u l-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb

Is-Segretarju Parlamentari spjega li Aġenzija Żgħażagħ flimkien mal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb qed ittellgħu dan il-programm ta’ empowerment għaż-żgħażagħ, il-Konkors “Letteratura għaż-Żgħażagħ” li jixpruna il-letteratura Maltija maħsuba għall-età tal-adolexxenza. Dan il-konkors huwa miftuħ għal manuskritti li jitrattaw l-età tal-adolexxenza, li jfisser żgħażagħ ta’ bejn 12 u 17-il sena. Ix-xogħol irid ikun oriġinali, bil-lingwa Maltija u li qatt ma deher ippubblikat, la sħiħ u lanqas xi partijiet minnu. L-Onor Puli spjega kif dan il-konkors għandu għan doppju għaliex minn naħa jindirizza in-nuqqas ta’ kitba għaż-żgħażagħ bil-Malti u jinċentiva lill-awturi stabbiliti jiktbu bil-Malti u fl-istess waqt iħeġġeġ lil kittieba żgħażagħ li għandhom passjoni għall-kitba jiktbu testi huma stess filwaqt li jieħdu esperjenza qabel ma jaslu biex jippubblikaw.

Il-Konkors hu miftuħ għal kulħadd. Kull kompetitur jista’ jissottometti sa tliet manuskritti, iżda ma jistax jirbaħ aktar minn premju wieħed. Kull manuskritt m’għandux inkun inqas minn 20,000 kelma u m’għandux jaqbeż il-25,000 kelma.

Il-Konkors beda fl-2009.  Ir-rebbieħa tal-konkors tas-sena 2009-2010 kienu Rita Saliba bil-ktieb  Inżul ix-Xemx u Simon Bartolo bil ktieb Kliem ir-Riħ.  Il-kittieb żgħażugħ kien Fr. Rene Cilia.  Dawn iż-żewġ kotba rebbieħa diġà ġew ippubblikati.

Ir-rebbieħa tal-konkors tas-sena 2010-2011 kienu Emanuel Psaila bil-ktieb Storja Maqsuma u Ivan Bugeja bil-ktieb Tmiem il-Ġimgħa. Barra minn hekk, Cherise Ann Abela u Kenneth Curmi kienu l-kittieba żgħażagħ  rebbieħa. 

Ir-rebbieħa tal-konkors tas-sena 2011-2012 kienu Carmel Scicluna bil-kiteb Ossessjoni u Rita Saliba bil-ktieb Bella.  Andre Mangion bil-ktieb Tattoo rebah il-kittieb żgħażugħ. Dawn it-testi qed jiġu rranġati biex jiġu ppubblikati fix-xhur li ġejjin.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERATION OF THE GRAND HARBOUR  Six kilometres of new cables to continue reinforcing Birkirkara’s electricity network

PR262024en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERAT...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ENERĠIJA, L-AMBJENT U R-RIĠENERAZZJONI TAL-PORT IL-KBIR  Sitt kilometri ta’ cables ġodda biex ikompli jissaħħaħ in-network tad-distribuzzjoni tal-elettriku f’Birkirkara

PR262024

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ENERĠIJA, L-AMBJENT U R-RIĠENERAZZJONI TAL-P...

Aktar Stqarrijiet Right arrow