8,300 KUNTATT MAL-BUSINESS FIRST FL-EWWEL GĦAXAR XHUR TAL-OPERAT TIEGĦU FAVUR IS-SID TA’ NEGOZJU
Il-Gvern qed jikkunsidra kif jespandi s-servizzi offruti minn Business First
Fl-ewwel għaxar xhur tal-operat tal-one-stop-shop għas-sid tan-negozju lokali u internazzjonali, saru aktar minn 8,300 kuntatt minn sidien ta’ negozju lokali u internazzjonali. Dan tħabbar waqt żjara fl-uffiċini tal-Business First tal-Ministru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment Tonio Fenech u Jason Azzopardi, Ministru għall-Kompetizzjoni Ġusta, Negozji Żgħar u l-Konsumatur, li ltaqgħu wkoll ma’ uħud mill-benefiċjarji li gawdew mill-għajnuniet mogħtija mill-Business first.
Fl-intervent tiegħu l-Ministru Fenech fakkar kif f’Rapport Annwali tal-Kompetittivita' li ġie ppubblikat reċentement mill-Forum Ekonomiku Dinji, Malta telgħat erba' postijiet għas-47 post fl-Indiċi tal-Kompettittivita globali. Dawn ir-riżultati jgħinu l-isforzi ta' Malta sabiex tattira aktar investiment dirett barrani, li huma l-forza kruċjali għat-tkabbir tal-ekonomija u l-ħolqien tal-jobs. Malta hija t-tielet l-aktar pajjiż mill-UE li tela' l-fuq f'din l-istatistika. Fl-istess stħarriġ joħroġ biċ-ċar ukoll li fattur importanti li fl-istħarriġ li sar, jissemma’ speċifikament tnaqqis fil-burokrazija f’pajjiżna. Dan kien frott il-ħidma tal-Gvern fl-aħħar snin, fuq quddiem nett bit-twaqqif ta’ Business First.
Intant, il-Ministru Fenech ħabbar li l-Gvern qed ikompli iħares kif jista’ jkompli jwessa’ s-servizzi ta’ Business First fost l-oħrajn billi jibdew jingħataw pariri speċifiċi dwar punti bħal ippjanar tas-suċċessjoni ta’ negozju tal-familja, kif ukoll it-twaqqif ta’ desk speċifiku għall-internazzjonalizzazzjoni, li joffri informazzjoni dettaljata dwar swieq varji, informazzjoni dwar standards u l-attitudni kulturali lejn swieq partikolari u aktar. Din l-inizjattiva għandha l-għan li tipprovdi pariri personalizzati lill-intrapriżi individwali fuq il-potenzjal tagħhom u dwar kif dawn jistgħu jespandu l-oprat tagħhom barra minn xtutna. Dan jgħin biex dawn in-negozji jikbru u joħolqu aktar jobs.
Il-Ministru Azzopardi qal li l-Gvern huwa mpenjat li joffri l-aħjar skemi u incentivi lin-negozji żgħar,skemi li għandhom jgħinuhom sabiex jikbru u jkomplu jissaħħu. Huwa qal li l-iskema tal-MicroInvest, għenet 1,800 sid ta’ negozju biex jiffranka 40% taxxa fuq investiment li jkun għamel f’Malta u 60% jekk hu f’Ghawdex. Dawn in-negozji bejniethom ħolqu ’l fuq minn 590 impjieg u rċevew mal-€11,600 miljun ewro kreditu f’taxxa lura. Skema oħra ta ‘ fejda hija l-MicroCredit, skema ta’ self sussidjat, li diġa għenet aktar minn 340 sid iehor ta’ negozju li bejniethom investew €53.6 miljun ewro.
Il-Ministru Azzopardi dalgħodu rrefera wkoll għar-rapport li għadu kif nħareg mill-Kummissjoni Ewropea, fejn jgħid li Malta sejra tajjeb ħafna meta mqabbla ma’ pajjizi kbar fis-settur tan-negozji żgħar u medji. Filfatt Malta laħqet l-livelli ta’ pajjizi kbar bħall-Austria u l-Germanja. Ir-rapport jghid li l-inqas li ntlaqtu mill-krizi finanzjarja minn fost il-pajjzi kolha fiz-zona Ewro huma n-negozji Maltin u jidher li sal-aħħar ta’ din is-sena , Malta għandha tibqa’ sejra tajjeb f’dan is-settur. Il-Ministru Azzopardi qal li dan ir-riżultat jindika li minkejja l-mewġ tal-kriżi ekonomika li ħakmet id-dinja kollha, in-negozji Maltin u Għawdxin għadhom b’saħħithom u dan grazzi għal diversi skemi li proprju l-Gvern preżenti ħoloq għalihom. Dan ir-riżultat qal Azzopardi, jissarraf f’bidla għall-aħjar f’dan is-settur u dan grazzi għall-ħidma mill-Gvern favur in-negozji sabiex dawn jikbru, jżidu l-impjiegi u jsaħħu l-ekonomija Maltija.
Wieħed jista’ jagħmel kuntatt ma’ Business First fuq Linja tat-telefon 144, permezz tas-sit businessfirst.com.mt jew fl-uffiċini fi Gwardamangia.
Stqarrijiet Oħra:
PR262024en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERAT...
PR262024